Internazzjonali

Jinqatel wara attakk fuq l-Ambaxxata Amerikana f’Tunis

Aggressur li attakka lill-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Tunis (fit-Tuneżija) irnexxielu jwettaq splużjoni li ħalliet numru ta’ pulizija midruba, qabel spiċċa maqtul huwa stess fuq il-post.

Ir-rapporti qalu li l-aggressur kien ipprova jidħol fl-ambaxxata iżda waqqfuh milli jagħmel hekk il-pulizija li kienu għassa mal-missjoni diplomatika fid-distrett ta’ Berges du Lac. Fl-aħħar sigħat ma ngħatawx dettalji dwar il-pulizija midruba.

L-aggressur kien riekeb fuq mutur meta wettaq l-azzjoni, bl-awtoritajiet Tuneżini ma jikkonfermawx jekk ir-raġel kellux l-intenzjoni ta’ attakk suwiċida. Intant, l-isplużjoni ħolqot paniku kbir fost in-nies li nzertaw fiz-zona u sakemm is-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll.

It-Tuneżija kienet għaddiet minn spinta ta’ azzjonijiet mill-ġiħadisti Iżlamiċi wara r-rivoluzzjoni tar-Rebbiegħa Għarbija tal-2011, fost sensiela ta’ attakki fuq il-membri tas-sigurtà kif ukoll ċivili u turisti barranin.