Lokali Qorti

L-istat ma baqalux aktar provi fil-kawża Yorgen Fenech kontra Keith Arnaud

Il-kawża Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kontra l-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud se tkompli f’Mejju li ġej wara li fil-kawża l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg qalet li ma baqalhiex aktar provi xi tressaq f’dan l-istadju. Sadanittant il-Qorti qalet li dan il-każ mistenni jkun deċiż sa Settembru li ġej.

Fenech qed jallega li d-dritt għal smiegħ xieraq tiegħu qed jiġi mittiefes minħabba l-kuntatti tal-investigatur prinċipali fl-omiċidju tal-ġurnalsta li kienet sfat maqtul viċin ir-residenza tagħha fil-Bidnija.

Fenech qed jallega li Arnaud kellu rabtiet fil-qrib ma’ Keith Schembri, eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa ddeskriva l-investigazzjoni fuq ir-rwol ta’ Keith Schembri fl-assasinju ta’ Caruana Galizia bħala waħda traskurata, approssimattiva, jekk mhux dilettanteska.

L-Imħallef Lawrence Mintoff li qed jisma’ l-proċeduri Kostituzzjonali qal lid-difiża f’dan il-każ għandha żmien sat-2 ta’ Mejju biex tippreżenta xi sottomissjonijiet ġodda li jista’ jkollha.

Skont Fenech,’dan il-każ jista’ jkun hemm implikat Keith Schembri hekk kif Melvin Theuma, l-peruna li ngħata l-proklama fil-każ, taħt xhieda ġuramentata, iddikjara li kienu tawh job minn Kastilja wara li Keith Schembri sejjaħlu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, offrielu kafe u wara tah tour ta’ Kastilja.

Theuma wara kien mar il-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali fejn mingħajr ma talab kien ingħata xogħol mal-kumpanija Housing Maintenance and Embelleshment li taqa’ taħt l-istess Ministeru fejn minn hemm dam jitħallas għal erba’ xhur sħaħ mingħajr qatt ma resaq lejn ix-xogħol.

L-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Fenech, filwaqt li l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg, mgħejjuna mill-Avukat Maurizio Cordina, qed topponi t-talba tad-difiża.