Il-Ħamis, rapport uffiċjali tal-Eurostat ippubblika ċifri u statistiċi marbuta man-nisa fid-dinja tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rapport, li hu l-aktar wieħed b’ċifri riċenti, jgħid li Malta hi l-aktar pajjiż fil-block kollu li għandu l-akbar diskrepanza bejn in-numru ta’ nisa u rġiel li jaħdmu.
Madankollu mistoqsi dwar dan, il-Ministru responsabbli mix-xogħol u l-impjieg, Owen Bonnici, qal li l-Gvern jinsab impenjat li jiżdiedu aktar nisa fid-dinja tax-xogħol.
Iżda, r-rapport li ħareġ ftit tas-sigħat qabel juri li Malta għadha lura ferm meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn. U rapport ieħor, ukoll maħruġ mill-istess Eurostat, juri li pajjżna għandu l-anqas rata ta’ nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali mill-pajjiżi kollha Ewropej.
Dwar il-Gender Pay gap, li fuqha wkoll ħarġu statistiċi li juru li mara f’Malta titħallas medja ta’ 10% anqas għall-istess xogħol li jagħmel raġel, Bonnici qal li l-Gvern irid jara li din id-differenza ma tibqax, mingħajr ma ta dettalji ta’ kif beħsiebu jagħmel dan,
Staqsejna wkoll lill-Ministru li assuma r-respnsabbiltajiet tax-xogħol ftit tal-ġimgħat ilu jekk il-Gvern hux se jkompli bil-politika ta’ żieda ta’ ħaddiema barranin.
Bonnici qal li biex l-ekonomija tkompli tikber, irid ikun hemm aktar ħaddiema.
Iżda mistoqsi dwar sfidi li ġġib magħha ż-żieda fil-popolazzjoni, bħal skejjel iffullati u qasam tas-saħħa li ma jlaħħaqx maż-żidiet, hu qal li l-bidla fl-infrastruttura tieħu ż-żmien.
Fl-aħħar snin l-infrastruttura tal-pajjiż, l-aktar fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, ħassew il-piż dejjem jikber taż-żieda fil-popolazzjoni riżultat tal-politika tal-Gvern li madankollu naqas li jippjana b’mod għaqli biex l-isptarijiet u l-iskejjel fost l-oħrajn spiċċaw iffullati ferm.
//= $special ?>