Lokali

Palestinjan jitlef ħajtu wara li ttajjar minn karozza

Palestinjan ta’ 32 sena residenti l-Gżira, tilef ħajtu wara li ntlaqat minn vettura fil-Marsa-Ħamrun bypass fil-Marsa. Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta’ 11.45p.m.. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari irriżulta li r-raġel safa’ milqut minn vettura ta’ tip Kia Picanto misjuqa minn raġel ta’ 28 sena miż-Żejtun.

Fuq il-post issejjaħ ukoll tim mediku iżda sfortunatament, ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Is-sewwieq ingħata assistenza medika u ttieħed l-Isptar Mater Dei minħabba li kien iċċertifikat li qed isofri minn shock qawwi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli qed tmexxi l-inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija tad-Distrett.