Rugby Sport

Pivac ottimist li Wales se jkollha prestazzjoni kbira

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ nazzjonali ta’ Wales Wayne Pivac qal li jistenna prestazzjoni kbira mit-tim tiegħu kontra l-Ingilterra wara żieda fl-intensità waqt it-taħriġ din il-ġimgħa. Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra Wales kellhom rebħa dominanti fuq l-Italja 42-0 fil-bidu iżda telfiet kontra l-Irlanda u Franza temmew it-tamiet li jerġgħu jirbħu s-Six Nations. Pivac li ħa t-tmexxija tat-tim wara t-Tazza tad-Dinja f’Novembru li għadda, qal li t-tim żied il-livell fit-taħriġ bit-tama li jikseb l-ewwel rebħa fis-Six Nations fuq l-Ingilterra fi Twickenham mill-2012.

“Il-livell ta’ intensità tela’ b’mod effettiv fit-taħriġ. Dak jgħidli li ġejja prestazzjoni kbira. Trid tisma lil Alun Wyn matul il-ġimgħa. L-intensità tinsab fil-vuċi tiegħu u dak kollu li għamel fit-taħriġ. Ċertament għandhom rekord li aħna nirrispettaw. Hu wieħed li jgħidilna li rridu nkunu fl-aħjar tagħna biex nirbħu,” qal Pivac.

Il-kowċ tal-Ingliżi Eddie Jones qal li t-tim hu preparat għal test diffiċli iżda fl-istess ħin irid li jpatti għat-telfa kontra Wales f’Cardiff is-sena l-oħra. “Tilfu żewġ logħbiet konsekuttivi. Għandhom kowċ ġdid u jridu jagħmlu stqarrija. Tridu tiftakru li rebħulna s-sena l-oħra.” L-aħħar logħba tal-Ingilterra kontra l-Italja skedata l-ġimgħa d-dieħla, ġiet posposta mill-organizzaturi minħabba t-tixrid tal-coronavirus.