Internazzjonali

Renju Unit: It-tħejjijiet għal Brexit sewa lill-Gvern aktar minn 4 biljun Sterlina

L-osservatur (watchdog) responsabbli mill-moniteraġġ tal-infiq pubbliku qal li d-dipartimenti tal-Gvern Britanniku nefqu ’l fuq minn erba’ biljun Sterlina fuq il-preparamenti tar-Renju Unit biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. In-National Audit Office (NAO) qal li ċ-ċifra tinkludi l-infiq fuq l-istaff u servizzi ta’ konsulenza u l-promozzjoni ta’ Brexit.

Kelliem għat-Teżor qal li l-Gvern kien ħejja ‘il-fondi kollha neċessarji’ biex jaċċerta li r-Renju Unit ikun ippreparat biex iħalli l-UE. Sadattant, il-Partit Liberali Demokratiku fl-Oppożizzjoni (Lib Dems) qed jgħid li ‘intremew il-biljuni ta’ Sterlina f’attentat (tal-Gvern) biex tinħeba t-taħwida li għamel il-Gvern Konservattiv minn Brexit’.

In-NAO enfasizza, fir-rapport, li mhux qed jgħaddi ġudizzju dwar jekk in-nefqa rrappreżentatx valur għall-flus. L-Uffiċċju sostna li ċ-ċifri jirrappreżentaw ‘il-livell minimu tan-nefqa kalkulata’ minħabba ‘limitazzjonijiet fid-data’ ipprovduta mid-dipartimenti.

Ir-rapport tal-watchdog sab li l-Home Office (Ministru għall-Intern), id-Dipartiment tat-Taxxa u Servizzi Doganali u d-Dipartiment tal-Ambjent għamlu tajjeb għal aktar min-nofs tal-4.4 biljun Sterlina li ntefqu fuq it-tħejjijiet għal Brexit.

Meg Hillier, bħala chairwoman tal-Common Public Accounts Committee, qalet li ‘il-pubbliku tħalla fid-dlam rigward dak li kien qed jagħmel il-Gvern (fl-impenji tal-infiq rigward Brexit)’. Skont Hillier, ‘id-data relatata hi limitata’ u li ‘dawk li qegħdin imexxu t-Teżor ma jidhrux preokkupati dwar in-nuqqas tat-trasparenza’ fiċ-ċirkustanzi.