Internazzjonali

Sirja: Jidħol fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied għal Idlib

Il-ftehim għal waqfien mill-ġlied sponsorjat mir-Russja u t-Turkija, fl-aħħar sigħat, daħal f’effett fil-provinċja ta’ Idlib lejn il-majjistral tas-Sirja.

Dan il-ftehim kien iffirmat, nhar il-Ħamis, f’Moska bejn il-President Russu, Vladimir Putin u l-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan u, skont l-aħħar rapporti, il-grupp għall-moniteraġġ Syrian Observatory for Human Rights kien qed jirreferi għal ‘kalma relattiva’ fir-reġjun ta’ Idlib.

L-inħawi ta’ Idlib, għal dawn l-aħħar ġimgħat, servew bħala zona ta’ gwerra qalila bejn ir-ribelli appoġġjati mit-Turkija u l-qawwiet tal-Gvern Sirjan li qegħdin jingħataw sostenn mingħand ir-Russja. Intant, jiem ilu kienu nqatlu madwar 60 suldati Torok waqt offensiva tal-qawwiet tal-Gvern Sirjan fuq Idlib, li hi l-aħħar zona tal-pajjiż taħt il-kontroll tal-qawwiet li jopponu lill-Gvern tal-President tas-Sirja, Bashar al-Assad.

Il-ġlied f’Idlib wassal għal kriżi umanitarja f’dik il-provinċja u, għal diversi jiem, irrankat il-biża’ dwar konflitt militari dirett bejn ir-Russja u t-Turkija, li hi membru tan-NATO.

Qabel daħal fis-seħħ il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, it-Turkija qalet li żewġ suldati oħra tagħha kienu nqatlu f’waqtiet ta’ ġlied mal-qawwiet tal-President Assad. Il-kelliema għal Ankara qalu wkoll li l-qawwiet Torok kienu qatlu ‘il fuq minn 20 truppi Sirjani minbarra li qerdu biċċiet tal-artillerija tal-Armata tas-Sirja.

Wara sitt sigħat ta’ taħditiet bejn Putin u Erdogan, spikka fost oħrajn il-qbil biex  tinfetaħ rotta tas-sigurtà lejn in-naħa t’isfel ta’ triq prinċipali f’Idlib u li sservi bħala konnessjoni bejn l-ibliet ta’ Aleppo u Latakia li huma kontrollati mill-Gvern ta’ Assad.