Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs fuq serq minn ħanut tal-ħwejjeġ

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud kkundannat lil raġel ta’ 40 sena sitt xhur ħabs wara li ammetta li fil-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Frar li għadda wettaq serqa ta’ flus kontanti mill-ħanut tal-ħwejjeġ li jinsab f’Ħal Qormi.
Darren Brincat ukoll minn Ħal Qormi ammetta li wettaq is-serqa mill-ħanut MGT Boutique, li jinsab fi Triq il-Vitorja.

Ammetta wkoll li volontarjament għamel ħsara fl-istess ħanut għad-dannu tal-propjetarju u li sar reċidiv, wara li kien instab ħati b’diversi sentenzi
mogħtija mill-Qrati, liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux jiġu mibdula.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat kemm il-fatt li Brincat irreġistra ammissjoni fi stat bikri tal-proċeduri, kif ukoll il-fedina penali tiegħu u l-fatt li kien hemm qbil bejn il-Prosekuzzjoni u d-difiża dwar il-piena. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion.