Lokali

Il-Qorti mistennija tiddeċiedi fuq il-libertà proviżorja fil-konfront tal-akkużati fil-qtil ta’ Caruana Galizia wara li semgħet it-talbiet tad-difiża

L-Imħallef Edwina Grima għandha tiddeċiedi fi stadju ieħor jekk tilqax it-talba biex it-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jingħatawx il-libertà proviżorja.

Dan wara li hija semgħet is-sottomissjoni minn naħa tad-difiża u minn naħa tal-Avukat Ġenerali, b’ta’ l-ewwel jitolbu sabiex it-tliet irġiel akkużati bl-omiċidju jingħataw il-libertà proviżorja. Filwaqt li l-Avukat Ġenerali baqa’ jopponi din it-talba.

Id-difiża tal-aħwa Degiorgio immexija mill-Avukat William Cuschieri qalet li waħda mill-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja għandha tkun li l-aħwa jissotomettu lilhom nfushom għal dik li tissejjaħ ‘electronic tagging’.

Huma lesti wkoll li jibqgħu jorqdu l-ħabs u dan jekk mhux ta’ inkonvenjent għad-Direttur tal-ħabs biex jagħmel monitoraġġ fuqhom 24 siegħa kuljum. Ingħad li huma lesti biex joqgħodu għal kull kundizzjoni opportuna li jidhrilha l-Qorti.

It-talba għal ħelsien mill-arrest saret diversi drabi fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat qegħdin jiġu mixlijin bil-qtil tagħha. It-talba fil-konfront ta’ Muscat ma kinitx frekwenti daqs tal-aħwa, li lkoll qed jiġu akkużati bl-omiċidju, liema talba dejjem ġiet miċħuda.

Il-kumpilazzjoni li tidher li waslet fil-finali tagħha bit-tliet akkużati kienu tpoġġew taħt att ta’ akkuża fis-16 ta’ Lulju li għadda. Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba barra minn darha fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. It-tliet irġiel, li jinsabu akkużati bil-qtil tagħha kienu ġew arrestati fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena.

L-aħwa Degiorgio għal darba oħra ssottomettew diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest bl-applikazzjonijiet kull darba jiġu rifjutati. L-Avukat Ġenerali dejjem oġġezzjona din it-talba minħabba n-natura u l-gravità tal-kriminalità, kif ukoll minħabba r-rekord kriminali u l-konnessjonijiet li għandhom l-akkużati, fost oħrajn.

L-Avukat Ġenerali dejjem ikkontenda li hemm riskju reali li dawn jaħarbu, imma wkoll li dawn ibabsu l-evidenza hekk kif l-akkużi miġjuba kontrihom jistgħu jwasslu għal sentenza ta’ għomor il-ħabs.