Futbol Sport

Super Keqi jitfa’ lil Floriana u lilu nnifsu fil-quċċata

Rapport: George Cassar

FLORIANA………….. 3

SIRENS……………….. 0

Floriana: I. Akpan, A. Cini, R. Camenzuli, E. Ruiz, J. Pisani, D. Venancio (C. Borg 81’), M. Garcia, U. Arias, S. D’Agostino (B. Paiber 86’), T. Fonseca, K. Keqi (J. Busuttil 85’)

Sirens: D. Cassar, R. Romào, Thiaguinho, S. Don Anjos, A. Borg, I. Adeshina. R. Grech (L. Sciberras 74’), E. Okoye, Ricardinho, Wellington (E. Herrera 68’), F. Cheveresan

Imwissija: E. Okoye 31’, R. Grech 50’ (S)

Skorja: K. Keqi 47’, 51’, 68’ pen (F)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri; Darko Stankovic

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Kristian Keqi (Floriana)

BOV Plejer tal-logħba: Kristian Keqi (Floriana)

Attendenza: 679

Tripetta ta’ Kristian Keqi fit-tieni taqsima titfa’ lil Floriana mill-ġdid fil-quċċata u lill-istess attakkant fl-ewwel post ukoll tal-klassifika tal-iskorers. Il-Greens iddominaw lil Sirens tul il-logħba kollha u wara li fl-ewwel taqsima tilfu bosta okkażjonijiet, fit-tieni waħda skurjaw darbtejn fl-ewwel ħames minuti u kważi qatlu l-logħba.

B’hekk Sirens sofrew total ta’ seba’ gowls fiż-żewġ logħbiet kontra Floriana u qed jirriskjaw li din il-ġimgħa jitilfu t-tielet post, jekk għada Hibernians jirbħu lil Ħamrun Spartans. Għal Sirens spikka, speċjalment fl-ewwel taqsima, il-gowlkiper David Cassar li rreżista diversi attakki Furjaniżi u kompla bil-konsistenza tiegħu f’dan il-kampjonat.

Wara tnax-il minuta Floriana laqtu l-lasta meta Kristian Keqi rċieva throw-in fit-tul, antiċipa lill-gowlkiper avversarju David Cassar iżda l-ballun twaqqaf mill-wieqfa. F’nofs l-ewwel taqsima, wara waħda mill-ħafna ġirjiet ta’ Kristian Keqi max-xellug, kien hemm ix-xutt ta’ Stefano D’Agostino li wera r-riflessi tajbin ta’ David Cassar li tajjar il-ballun f’korner.

Fl-aħħar ħames minuti tal-ewwel taqsima kien hemm ċans ta’ gowl fuq kull naħa. L-ewwel kienu Floriana li wara kross ta’ Kristian Keqi, Tiago Fonseca laqat il-ballun bir-ras u ġiegħel lil David Cassar itajjar il-ballun għall-korner.

Iżda minkejja li l-konlużjonijiet tal-ewwel taqsima waslu kollha minn Floriana,huma għal ftit ma sfawx minn taħt fl-aħħar tal-ewwel taqsima. Il-gowlkiper Ini Akpan tajjar il-ballun ’il fuq mingħajr wisq saħħa, ħa l-ballun Emanuel Okoye li qassam lil Flavio Cheveresan iżda l-gowlkiper Furjaniż ġabar ġieħu meta laqa’ mill-viċin ix-xutt fil-baxx tal-attakkant Brażiljan ta’ Sirens.

Floriana skurjaw żewġ gowls fl-ewwel ħames minuti tat-tieni taqsima. Żewġ minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, minn kross mil-lemin ta’ Matias Garcia, iż-żewġ tentattivi ta’ Ulises Arias ntlaqgħu ferm tajjeb minn David Cassar bil-gowlkiper ta’ Sirens ma setax jirreżisti t-tielet xutt ta’ KRISTIAN KEQI li mill-viċin sammar il-ballun ġox-xibka.

Fil-ħamsin minuta KRISTIAN KEQI daħal fil-kaxxa evita żewġ plejers qabel ma twaqqa’ minn Ryan Grech u għalhekk issaffar penalty. L-istess attakkant għeleb għat-tieni darba lil David Cassar mill-penalty. Floriana għalqu l-logħba fit-68 minuta meta kross mil-lemin ta’ Stefano D’Agostino sab lil KRISTIAN KEQI ixxamplat waħdu fil-kaxxa ż-żgħira li b’daqqa ta’ ras tefa’ fix-xibka biex skorja l-erbatax-il gowl staġjonali, qabeż lil Mario Fontanella u issa huwa l-aqwa skorer tal-kampjonat.