Kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar tħabbret il-mewt tal-mużiċista rinomat, Freddie Mizzi, li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 85 sena.
Il-klarinettista u sassofonista Belti, imwieled fl-1934, tħarreġ u ħareġ idoqq għall-ewwel darba mal-Banda Ċittadina King’s Own fl-età ta’ 6 snin u fl-1953 ngħaqad mal-banda tal-Forzi Armati Ingliżi f’pajjiżna.
Fil-bidu tal-karriera tiegħu, is-Surmast Joseph Abela Scolaro ħarreġ lil Freddie Mizzi biex kiseb bosta diplomi mil-London College of Music.
Fl-aqwa tal-karriera tiegħu, Freddie Mizzi kien meqjus fost l-aqwa solisti fuq il-klarinett fl-Ewropa, tant li żanżan żewġ xogħlijiet f’Wigmore Hall f’Londra u daqq fil-London Barbican Centre.
Mizzi kien intgħażel sabiex jingħaqad mal-Orkestra Sinfonika Dinjija fil-mawra li kellhom fl-Istati Uniti. Hemmhekk, taħt id-direzzjoni tad-direttur rinomat, Arthur Fiedler, daqq fis-sala prestiġjuża ta’ Carnegie Hall fi New York.
Fl-1973, daqq bħala solista mal-Kwartett tal-Korda ta’ Salzburg fil-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta. Fost il-personalitajiet li huwa allegra bil-ħiliet impekkabbli tiegħu fuq iż-2 strumenti hemm ir-Reġina Eliżabetta l-1 u t-2, kif ukoll il-Presidenti tal-Portugal u l-Italja.
Wara li fil-passat daqq mal-Big Band ta’ Jimmy Dowling, Mizzi huwa meqjus bħala l-moħħ wara r-rinaxximent tal-mużika big band fix-xena lokali hekk kif fl-1958 waqqaf il-Freddie Mizzi Big Band, komposta mill-aqwa 17-il talent mużikali lokali.
Huwa kellu ukoll quartet bl-isem ta’ Freddie Mizzi & The Boys li flimkien daqqew għal aktar minn 30 sena flimkien, kemm f’pajjiżna u lil hinn minn xtutna. Il-membri tal-quartet kienu Tony Fiteni fuq il-pjanu, John Cutajar fuq il-bass u Martin Cini fuq il-perkussjoni.
Tul il-karriera tiegħu, Freddie Mizzi għallem u ħarreġ bosta klarinettisti u sassofinisti ta’ fama f’pajjiżna tant li fl-1989, inħatar bħala Professur tal-Klarinett mal-kumpanija internazzjonali Boosey and Hawkes.
Lejn l-aħħar ta’ ħajtu ukoll, Mizzi kkompona bosta bċejjeċ mużikali, bl-aktar waħda li jibqa’ magħruf għaliha hija l-Adagio għall-Klarinett u l-istrumenti tal-korda.
Il-funeral ta’ Freddie Mizzi se jsir nhar it-Tnejn li ġej fit-8.30am fil-Bażilika Dumnikana ta’ Santa Marija ta’ Porto Salvo fil-Belt Valletta.
//= $special ?>