Lokali Saħħa

Chris Fearne jgħid li mhux se jieqfu titjiriet mill-Italja

Il-kwarantina mhux se tkun waħda obligatorja

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mhux ser iwaqqaf it-titjiriet ġejjin Malta mill-Italja.

Dan wara li l-aħħar pariri li ngħataw lill-gvern kienu kontra waqfien ta’ titjiriet ġejjin minn pajjiżi jew reġjuni b’riskju għoli ta’ Coronavirus.

Fil-konferenza stampa fejn tħabbar l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta, Chris Fearne ħabbar ukoll li mhux ser ikun qed jagħmel il-kwarantina bħala waħda mandatorja.

Dan ifisser li turisti li jiġu b’titjiriet mill-Italja, ser jibqgħu jiġu Malta u mhux ser tkun obligatorja għalihom li jibqgħu fil-lukanda tul il-btala tagħhom f’pajjiżna.

Madanakollu, il-Ministru tas-Saħħa qal li din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel ġaladarba jkun hemm aktar żviluppi.

Fearne qal ukoll li l-gvern mhux jara raġuni biex jagħlaq xi skejjel jew iwaqqaf xi attivitajiet tal-massa anke għaliex ikkonferma li wara li tkellem mal-familja tat-tifla li ttestjat pożittiv, irriżulta li dawn kienu fi kwartina fi djarhom meta wasslu mill-Italja t-Tlieta li għadda.

Task force interministerjali ser ikun qed jerġa’ jitlaqqa’ nhar it-Tnejn biex jevalwa s-sitwazzjoni.

Intant, Il-Malta Police Association taqbel mal-istqarrija kongunta mill-UĦM Voice of the workers kif ukoll dik tal-Medical Association Malta (MAM) rigward li jitwaqqfu l-vjaggi li gejjien mil-pajjizi taht riskju. Umilment titlob lill-gvern jiehu azzjoni immedjata, sabiex jirbah s-sens komun.