Lokali Saħħa

F’Malta l-każi ta’ Coronavirus jitilgħu għal tlieta

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li l-ġenituri tat-tifla li kienet pożittiva dalgħodu għal COVID-19, huma wkoll ġew konfermati bħala pożittivi. Il-ġenituri diġà kienu ġew iżolati fl-Isptar Mater Dei mat-tifla iktar kmieni dalgħodu.

Skont l-awtorità tas-saħħa s-sitwazzjoni qiegħda kontrollata u miżmuma fil-familja li mindu ġiet lura Malta mill-Italja segwiet il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa u qagħdet fi kwarantina.

L-awtorità permezz ta’ stqarrija serrħu ras l-pubbliku li dawn l-każjiet ġew miżmuma taħt iżolament.

Sal-lum, 181 test sar fuq persuni li siefru f’ postijiet milquta minn dan il-virus u żviluppaw sintomi. It-tliet membri ta’ din il-familja biss ġew pożittivi għall-COVID-19.

Bħala parti mis-sorvelljanza, ġew ittestjati 157 persuna oħra u ġew kollha negattivi għall-COVID-19.