Futbol Sport

Gudja jpattuha qares lill-Beltin

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Luke Micallef

VALLETTA………………… 0

GUDJA UNITED…………. 2

Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri, S. Malano (M. Piciollo 62’), B. Kaljevic (K. Nwoko 76’), S. Dimech (N. Pulis 62’), J. Borg, E. Pena Beltre, R. Muscat, M. Alba, M. Fontanella

Gudja: G. Zammit, J. Farrugia, J. Bondin, A. J. Friggieri (J. Brincat 87’), E. Zarate Bilbao (N. Rodrigues 69’), R. Winchester (P. P. Sammut 78’), L. Cremona, G. Mensah, A. De Barros, J. Bolanos, J. Grioli

Imwissija: J. Farrugia 38’ (G), E. Zarate Bilbao 61’ (G)

Skorjaw: N. Rodrigues 80’, G. Mensah 90+3’ (G)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, James Muscat

Il-Mument Plejer tal-logħba: Nivaldo Rodrigues (Gudja)

BOV Plejer tal-logħba: Juan Andres Bolanos (Gudja)

Attendenza: 755

F’logħba fejn iż-żewġ timijiet riedu t-tliet punti, Valletta biex iwieġbu għar-rebħa ta’ Floriana u Gudja biex iżommu t-tamiet tagħhom ħajjin u staġun ieħor jerġgħu jilagħbu fil-Kapjonat Premier, kien it-tim Gudjan, kontra kull mistenni li ħareġ b’rasu mgħollija u bit-tliet punti. L-aħħar logħba ta’ dawn iż-żewġ timijiet kienet propju bejniethom infushom fl-FA Trophy il-ġimgħa l-oħra meta Valletta rebħu 2-0 u avvanzaw għas-semifinali.

L-ewwel taqsima kienet waħda kwieta u xotta mill-azzjonijiet. Fis-17-il minuta, Mario Fontanella rnexxielu jaqbeż il-gowlkiper Gudjan, iżda b’xi mod id-difiża ta’ Gudja rnexxielha tbiegħed il-periklu. It-tieni u l-aħħar azzjoni tat-taqsima waslet fit-42 minuta, minn free-kick mogħti minn Miguel Alba, bil-gowlkiper ta’ Gudja attent u dawwar f’korner.

Fil-50 minuta, Fontanella ta kross fin-nofs fejn sab lil Alba, bix-xutt tiegħu spiċċa barra. Żewġ minuti wara, Gudja United pruvaw joħolqu reazzjoni iżda x-xutt ta’ Llywelyn Cremona minn barra l-kaxxa spiċċa barra. Mas-siegħa logħob, il-logħob twaqqaf għal ftit minuti wara li Bojan Kaljevic weġġa’ sew f’daħla ma’ Edison Zarate Bilbao. Fis-70 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Alba spiċċa ferm għoli mil-lasti difiżi minn Glenn Zammit.

Żewġ minuti wara minn kross ta’ Rowen Muscat, daħal bir-ras Fontanella b’Zammit isalva u jinnewtralizza.  Fl-74 minura, kross ta’ Pena Beltre, Fontanella b’xutt u reġa’ kien attent Zammit u salva. Fit-80 minuta wasal il-gowl li fetaħ l-iskor. Anderson De Barros għadda l-ballun b’mod tajjeb ħafna lejn is-sostitut NIVALDO RODRIGUES li tefa’ fil-baxx wara Henry Bonello. Tliet minuti wara d-disgħin minuta, GABRIEL MENSAH aċċerta mir-rebħa ta’ Gudja hekk kif ix-xutt tiegħu mill-kaxxa ħabat mal-lasta u daħal wara Bonello.