Internazzjonali

Iċ-ċifra tal-kontaminati bil-Coronavirus titla’ għal 100,000

Jikber it-tħassib internazzjonal dwar il-Coronavirus, hekk kif l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li madwar 100,000 persuna minn madwar id-dinja ntalqtu mill-virus, filwaqt li aktar minn 3,000 persuna mietu, bil-maġġoranza huma miċ-Ċina.

Abbord cruise line, bl-isem ta’ Grand Princess u li jinsab fil-kosta ta’ Kalifornja, kien konfermat li hemm 21 każ tal-virus abbord, b’19 minnhom huma parti mill-ekwipaġġ. Dawk abbord il-cruise ma jistawx joħorġu mill-kmamar tagħhom biex il-virus ma jinfirix bejn il-passiġġiera kollha filwaqt li l-ikel qed jingħatalhom billi jitħalla mal-art wara l-bieb ta’ kamarthom.

Fil-pajjiż ġar ta’ pajjiżna, fl-Italja b’kollox kienu irraportati iktar minn 4,600 każ, filwaqt li 197 minnhom tilfu ħajjithom. F’24 siegħa biss mietu total ta’ 49 persuna fil-pajjiż biex b’hekk dan iwassal għall-iktar pajjiż barra ċ-Ċina li rraporta mwiet.

F’Ruma, il-Papa se jkun qed jagħmel l-Anġelus permezz ta’ filmat live minflok kif soltu jsir quddiem folla nies quddiem il-Vatikan.

Minn naħa l-oħra, fil-Belġjum hemm total ta’ 169 każ raportat, Franza 716 każ, filwaqt li l-Ġermanja hi l-ħames l-iktar pajjiż fl-Ewropa li għandu każijiet b’684 iżda s’issa ma kienx hemm imwiet.

Fi Spanja kien irraportat minn midja Spanjoli li funeral partikolari kien l-iktar sors li xerred il-virus fil-pajjiż hekk kif iktar minn 60 persuna ġew infettati waqt iċ-ċeremonja. It-total ta’ persuni nfettati f’dan il-pajjiż huma 475.

Ħames persuni oħra ġew irraportati li huma infettati b’din l-influwenza fi Scotland biex b’hekk l-ammont ta’ persuni infettati fl-Ingilterra tela’ għal 206.

Fl-Iran il-każijiet tal-coronavirus tela’ għal 5,823 filwaqt li b’kollox s’issa kienu irraportati 145 imwied b’kaġun ta’ dan il-virus. Żewġ membri parlamentari Iranjani saħansitra kienu fost dawn l-imwiet.

Il-Korea ta’ Isfel poġġiet żewġ blokkok ta’ appartamenti f’kwarantina hekk kif numru ta’ residenti ġew irraportati li huma infettati.

Fl-Istati Uniti hemm iktar minn 200 każ konfermat filwaqt li 16-il persuna tilfet ħajjitha minħabba din l-influenza.

Mix-xena tal-isports, diversi logħob madwar id-dinja qed jiġu posposti jew qed jintlabu bil-magħluq fuq ordni tal-awtoritajiet tal-pajjiżi biex jiġi evitat li eluf ta’ persuni jkunu fl-istess żona.

Il-Korea t’Isfel, l-Italja u l-Iran huma fost l-agħar pajjiżi affetwati, bil-Korea t’Isfel hemm iktar minn 6,200 każ, l-Italja 4,600 u l-Iran 3,500.