Lokali

Identifikat il-katavru li ttella’ miċ-Ċirkewwa

Il-Ġimgħa tard filgħaxija ttella’ l-katavru ta’ Manuel Giovannelli mill-baħar taċ-Ċirkewwa, limiti tal-Mellieħa – proprju fiz-zona tat-terminal tal-vapur ta’ Għawdex. Giovanelli kien ta’ nazzjonalità Taljana, kellu 42 sena u kien ġie rrappurtat nieqes fil-5 ta’ Marzu ta’ din is-sena.

Fuq il-post ġew msejħa minnufih membri mill-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija li ħadmu flimkien anki permezz ta’ patrol boat sabiex ġie mtella’ l-katavru tal-vittma.

Kawża ta’ din is-sejba kien hemm xi dewmien fil-vjaġġi tal-Gozo Channel, skedati fid-21.45 u 22.30 madanakollu anki skont ma jidhru ritratti li kisbet din il-kamra tal-aħbarijiet jidher li għal xi ħin ingħalaq il-moll li normalment jintuża mill-vapuri tal-Gozo Channel u ntuża l-moll l-ieħor li jinsab fuq in-naħa ta’ ġewwa.

Konsegwenza t’hekk inġemgħa traffiku qawwi kemm fiċ-Ċirkewwa kif ukoll fit-terminal tal-Imġarr, Għawdex.

Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.