Lokali Qorti

IL-ĠURI DWAR QTIL F’BIRKIRKARA: Meta ddaħħal l-isptar il-vittma kellu qalbu wieqfa u bdiet taħdem wara s-CPR

Meta ddaħħal l-isptar Mater Dei fl-Emerġenza għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu Roderick Grech kien klinikament mejjet. Huwa mill-ewwel beda jingħata s-CPR (risuxxitazzjoni) u hawn beda ġej lura u jieħu n-nifs.

Minn hemm ittieħed mill-ewwel fit-Taqsima tal-Kura Intensiva biex ikompli jiġi segwit. Meta daħal l-isptar deheru feriti permezz ta’ daqqiet ta’ arma f’għonqu, ferita fuq il-lemin ta’ sidru u anke f’idejh il-leminja. Li kieku ma sarux l-inteventi meħtieġa kieku żgur li kien imut fuq il-post.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ żewġ tobba li fid-29 ta’ Marzu, 2017, il-jum tal-inċident kienu xogħol fid-Dipartiment tal-Emerġenza hekk kif daħal fir-raba jum tiegħu l-ġuri ta’ Etienne Bartolo ta’ 39 sena minn Birkirkara magħruf bħala “Il-Vojt”.

Nhar l-Erbgħa huwa beda għaddej ġuri akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech ta’ 26 sena. Id-delitt seħħ tliet fil-31 ta’ Marzu tal-2017 meta Grech inqatel b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina.

It-tabiba Rebecca Galea qalet li kien daħal l-isptar ċertu Roderick Grech, li ma kienx qed jieħu n-nifs iżda mill-ewwel beda jingħata s-CPR biex qalb terġa tibda tħabbat. Fil-fatt grazzi għal dan l-intevent qalbu reġgħet bdiet taħdem.

Hija qalet li anke l-polz kien wieqaf u dan ukoll inġieb lura. Minħabba l-feriti li kellu ttieħed mill-ewwel għal scan u wara ddaħħal l-ITU. Minn hemm il-quiddiem qalet id-Dottoressa Galea hija ma kellhiex aktar kontroll tas-sitwazzjoni.

Wara xehed it-tabib Thomas Armatis li kien ukoll xogħol l-Emerġenza. Huwa qal lio jiftakar li kienet daħlet telefonata, li kien hemm persuna li kienet qalgħet daqqa ta’ sikkina f’sidirha. Qal li kif daħal deher ċar li l-pazjent kellu ‘cardiac arrest’ u ma bedhiex jieħu nifs.

Ix-xhud qal li hwau daħħal apparat fis-sider Roderick Grech minħabba l-pressjoni tal-arja u d-demm fil-pulmun, u dan peress li jekk tidħol l-arja, l-problemi jkompru jikbru. Qal li ħasslu l-polz u bagħtuh għal City Scan u wara l-ITU peress li l-qagħda tiegħu kienet waħda kritika.

L-ewwel xhud kien l-espert tal-informatika għal 20 sena sħaħ fil-Qorti, Martin Bajada. Huwa ġie mqabbad fi stadju ta’ kumpilazzjoni tal-każ biex jagħmel xogħol għall-Qorti fl-2018.

Dan biex jannaliżża mobajls ta’ persuni fil-każ jew li jistgħu utli għall-każ. Huwa esebixxa data u spjega lill-ġurati dwar kif jaħdem mobajl u kif huwa kiseb informazzjoni minn fuq mobajls fejn wieħed minn numri kien immarkat China u oħrajn kienu mniżżlin bħala Ċiniż 2, ċertu Raymond u Jordan Azzopardi.

Martin Bajada qal li li ma setax jieħu nformazzjoni minn wieħed mill-mobajls minħabba li dan kien ‘locked’ u biex jinfetaħ kellu jintbagħat għand kumpanija speċjaliżżata barra minn Malta. Qal li dan iżda ma seħħx.

Bajada fiehem lill-ġurtati dwar it-teknikalità ta’ kif jaħdem mobajl u kif wieħed jista’ jagħmel identifikazzjoni ta’ min hu u kif għaddew it-telefonati. Qal li huwa eżamina mobajls tal-marka Nokia, Samsung u ieħor LG. L-ewwel tnejn kellhom żewġ Sim Cards. Sadanittant in-Nokia kien il-mobajl li nstab fil-karozza.

Dawn kienu qegħdin jinqalbu għal fuq mobajls differenti, u kkrejaw konfużjoni. Kien hemm ħafna bdil fis-sistemi tas-settijiet u dawn ħolqu kobba mħabbla mhux ħażin. Huwa qal li Jordan Azzopardi kellu tliet mobajls li kollha kellhom sim-card waħda.

Il-vittma, magħruf bħala ċ-‘China’ kien nstab ferut wara li allegatament ltaqa’ ma’ Bartolo biex jirranġaw xi ħlas dwar sustanza ta’ droga. Skont il-Prosekuzzjoni kien qam argument bejn it-tnejn bi Grech ilaqqat numru ta’ daqqiet ta’ sikkina b’dik fatali ikun f’sidru.

Skont il-Prosekuzzjoni meta kien ingħata l-ewwel għajnuna u anke fuq is-sodda tal-mewt, Grech kien lissen il-kliem ‘Vojt, Vojt’ bħala indikazzjoni għal min setgħa kien l-aggressur. Minn naħa tagħha d-difiża qed tgħid li l-akkużat għamel li għamel biex jiddeffendi lilu nnifsu mill-vittma li attakkah qabel.

Id-disa’ ġurati sedenti f’sitt irġiel, fosthom il-Prim ġurat u tliet nisa filwaqt li t-tliet ġurati supplenti, li qegħdin hemm f’każ li jirtira xi wieħed mill-ġurati huma komposti minn żewġt irġiel u mara.

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti ċivili għan-nom tal-vittma. L-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali huma l-prosekuturi f’dan il-ġuri.

Ikkummenta