Lokali

Il-Gvern għandu dover li jgħin lis-settur kummerċjali – il-PN

Minħabba l-impatt tal-Coronavirus diversi setturi tas-suq lokali kienu bdew iħossu tnaqqis fil-bejgħ u l-kummerċ. Illum filwaqt li l-Istat jagħmel tajjeb li jieħu l-mizuri kollha meħtieġa biex jippreveni lill-poplu milli jmiss mal-Coronavirus, fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista jrid jiġbed l-attenzjoni lill-Gvern biex ikun konxju li għandu wkoll id-dover jgħin b’mod proattiv lis-settur kummerċjali.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li fil-preżent huma ħafna dawk is-setturi tan-negozju li jinsabu f’diffikultajiet minħabba tnaqqis ta’ bejgħ u negozju. Dan it-tnaqqis tal-kummerċ qed ikollu impatt negattiv primarjament fuq il-cashflow tal-istess negozji kif ukoll fuq il-ħaddiema.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ikbar prijorità għall-Gvern trid tkun li b’mod assolut iħares is-saħħa tal-poplu. Il-PN jsostni li filwaqt li għandna naraw li bħala pajjiż inkunu ppreparati, fl-istess ħin għandna noqgħodu attenti li ma noħolqux allarm żejjed li jista’ jħalli effett negattiv fuq il-poplu kollu.