Lokali

Il-Gvern mitlub jassigura s-saħħa tal-Maltin

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), il-Malta Police Association (MPA) u l-UĦM Voice of the Workers qed iħeġġu lill-Gvern biex iwaqqaf il-vjaġġi li ġejjin minn pajjiżi milquta mill-Coronavirus … u b’hekk, f’pajjiżna jirbaħ is-sens komun.

Pożizzjoni tat-tliet organizzazzjonijiet li tikkuntrasta bil-kbir mad-dikjarazzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li qed jisħaq li mhu se titwaqqaf l-ebda titjira mill-Italja.

Hu ddikjara dan fil-konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ biex jikkonferma l-ewwel każ irrapportat ta’ Coronavirus f’Malta.

Iżda l-MAM, l-MPA u l-UĦM appellaw ukoll lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jimplimentaw il-miżuri ta’ kwarantina meħteġa ħalli pajjiżna jevita li tkompli tinxtered din l-influwenza. Dan filwaqt li jsir taħriġ ta’ preparazzjoni għall-ħaddiema kollha li possibbilment ikollhom kuntatt mal-pazjenti.

Sadanittant, NET News irċieva rapporti li wara l-konferma li f’pajjiżna wasal l-ewwel każ tal-Coronavirus, diversi persuni għal darb’oħra ħarġu minn djarhom biex jagħmlu x-xirja tagħhom… xirja li tidher li kienet waħda akbar minn tas-soltu, aktarx kawża tal-biża’ u t-tħassib ikkawżati mill-virus.