Futbol Sport

It-tieni rebħa f’ġimgħa għal Hibernians fuq Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

ĦAMRUN S………………. 1

HIBERNIANS……………. 2

Ħamrun: J.C. Debattista, K. Micallef, A. Capitelli, M. Cinquini, D. Borg, N. Leone, C. Failla, C. Borg (M. Fava 37’), C. Flores, A. Soares, P. Branicki

Hibernians: M. Jovicic, E. Uzeh, A. Agius, F. Apap, J. Mbong, D. Vella, M. Beerman (S. Mancini 80’), G. Artiles, J. Grech, J. Santos Silva (L. de Silveira 61’), I. Iriberri

Imwissija: J. Grech, J. Mbong 71’ (Hi), J.C. Debattista 78’ (Ħa)

Skorjaw: M. Beerman 41’, J. Grech 78’ pen (Hi), A. Soares 68’ (Ħa)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Duncan Spencer

Il-mument Plejer tal-logħba:

BOV Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

Attendenza: 607

Hibernians irritornaw għar-rebħ b’gowl f’kull taqsima f’konfront diffiċli kontra Ħamrun Spartans. B’din ir-rebħa, il-Pawlisti wieġbu għar-rebħa ta’ Floriana biex baqgħu erba’ punti bogħod mill-quċċata filwaqt li issa jinsabu punt biss bogħod minn Valletta. Dan kien it-tieni dwell bejn Ħamrun Spartans u Hibernians f’ġimgħa wara l-konfront tal-ġimgħa l-oħra mill-FA Trophy, bit-tim ta’ Stefano Sanderra joħroġ rebbieħ bl-istess skor ukoll iżda wara l-ħin barrani.

Hibernians kellhom tliet bidliet fil-formazzjoni inizjali. Il-gowlkiper Marko Jovicic irritorna fil-lasta flok Matthew Calleja Cremona filwaqt li Dunstan Vella u Myles Beerman bdew flok Leandro de Silveira u Bjorn Kristensen. Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ ta’ Ħamrun Andrea Ciaramella għamel żewġ bidliet, bil-gowlkiper Jean Claude Debattista u Piotr Branicki jibdew flok Manuel Bartolo u Valdo Alhinho.

(Ritratt: Joseph Galea)

L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet fuq in-naħa ta’ Ħamrun bi free-kick tal-eks plejer Clayton Failla li ġie salvat minn Marko Jovicic. Ftit wara, Jake Grech sab lil Dunstan Vella bi kross tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tal-midfielder għaddiet barra. Hibernians fetħu l-iskor fil-41 minuta meta xutt ta’ MYLES BEERMAN għadda qalb diversi plejers u spiċċa għeleb lil Jean Claude Debattista.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Darren Borg ħa vantaġġ minn żball ta’ Joseph Mbong u wara li l-ewwel tentattiv ġie salvat minn Jovicic, ir-rebound ta’ Carlos Flores għadda barra. Ċans ieħor għal Ħamrun fis-56 minuta, b’opportunità għal Nicola Leone hekk kif avvanza lejn tarf il-kaxxa iżda x-xutt kien ċentrali għal Jovicic. Il-Ħamruniżi ġabu d-draw fit-68 minuta meta korner ta’ Failla kien imxellef u spiċċa fid-direzzjoni ta’ AILTON SOARES li kompla l-ballun għal ġewwa fuq it-tieni lasta.

Ir-reazzjoni ta’ Hibernians waslet b’xutt ta’ Imanol Iriberri jgħaddi ftit barra. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-78 minuta meta r-referee Alan Mario Sant iġġudika li Dunstan Vella twaqqa’ fil-kaxxa minn Jean Claude Debattista. Mill-11-il metru l-eks plejer JAKE GRECH ma żbaljax. Lejn it-tmiem, Hibernians kellhom ċans li jaċċertaw mir-rebħa meta ngħataw it-tieni penalty, iżda Imanol Iriberri ra x-xutt ikun salvat minn Debattista.