Ambjent Lokali

“Iż-żejjed kollu żejjed” – Protesta fil-Ħamrun

Għal darb’oħra din kienet l-għajta prinċipali waqt protesta organizzata minn Moviment Graffiti fit-triq fejn it-Tnejn li għadda inqatlet Miriam Pace fir-residenza tagħha fejn biswit kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni.

Mal-Moviment Graffiti ingħaqdu l-familji li fl-aħħar xhur tilfu djarhom li waqgħu meta biswithom kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni.

Fuq quddiem net kien hemm Caroline Micallef, li ġġarfitilha d-dar fi Gwardamangia, Janet Walker, li tilfet darha b’mod simili fil-Pietà, kif ukoll qraba u ġirien tagħhom fl-istess blokok li sal-lum, xhur wara għadhom migħajr saqaf fuq rashom.

Fil-25 t’April tas-sena li għaddiet, kienet iġġarrfet binja qrib l-isptar St Lukes. Fit-13 ta’ Gunju krollat binja oħra din id-darba fi Triq San Luqa. Fit-8 ta’ Gunju kien seħħ l-incident tal-Mellieha. Is-sidien ta’ dawn il-binjiet għadhom kollha qed jistennew li xi darba jkunu jistgħu jerġgħu jidħlu fi djarhom. Il-binjiet li ġġarrfu f’dawn l-inċidenti kienu kollha jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni.

Din ma kienetx l-ewwel protesta ta’ dan it-tip hekk kif numru ieħor ta’ protesti saru fit-toroq ta’ Gwardamangia u anke fil-Belt Valletta fl-aħħar xhur.

Din il-protesta segwiet ‘silent protest’ li sar fil-ġurnata ta’ wara t-traġedja li fiha l-omm ta’ 54 sena tilfet ħajjitha.