Rugby Sport

L-Ingliżi jibqgħu jittamaw fir-rebħ tas-Six Nations b’rebħa fuq Wales

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra baqgħet fit-taqtigħa li tirbaħ is-Six Nations wara rebħa missielta ta’ 33-30 fi Twickenham Stadium kontra Wales. Tries ta’ Anthony Watson, Elliot Daly u Manu Tuilagi flimkien ma’ tliet conversions u tliet penalties ta’ Owen Farrell kif ukoll penalty ta’ George Ford kienu biżżejjed biex it-tim ta’ Eddie Jones kiseb l-ewwel Triple Crown mill-2016.

L-Ingliżi daħlu jistrieħu 20-9 fil-vantaġġ iżda try ta’ Justin Tipuric u conversion ta’ Dan Biggar reġgħu fetħu t-tamiet lil Wales biex isalvaw il-logħba. Iżda l-Ingilterra reġgħet kabbret il-vantaġġ b’penalty ta’ Farrell fil-45 minuta biex Ford skorja penalty ukoll fit-52 minuta. Try ta’ Tuilagi fil-61 minuta segwit minn conversion ta’ Farrell, kabbru l-vantaġġ għal 30-16.

It-tim ta’ Wayne Pivac irnexxielu biss inaqqas id-distakk lejn it-tmiem wara li l-Ingliżi kienu qed jilagħbu kontra 13-il plejer. Dan wara li Ellis Genge ngħata sin-bin u Manu Tuilagi, bi tries fl-aħħar erba’ minuti minn Biggar u Tipuric.

Id-destin tal-Ingliżi jinsab f’idejn Franza li tinsab b’punti massimi u tilgħab illum f’Edinburgh kontra l-Iskozja. Fl-14 ta’ Marzu jilagħbu kontra l-Irlanda, liema konfront jista’ jkun pospost kawża tal-coronavirus, l-istess kif l-Ingliżi ma jistgħux jilagħbu f’Ruma kontra l-Italja.

Six Nations

Illum: Ingilterra v Wales  33-30

Għada: Skozja v Franza    4.00pm