Persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete qed jispiċċaw jipperikolaw is-saħħa tagħhom hekk kif għal xhur sħaħ baqgħu ma jistgħux isibu l-isticks tad-dijabete.
L-isticks tad-dijabete ilhom out-of-stock minn Diċembru iżda minkejja li ġieli kienu fis-suq matul dan il-perjodu, xorta waħda d-domanda hi waħda kbira tant li l-pazjenti mhux qed isibuhom meta jkollhom bżonn.
L-iktar persuni li qed isofru minn din il-problema huma dawk tat-Type 1, fejn wieħed irid jiċċekja l-livell tad-demm madwar erba’ u ħames darbiet kuljum. Kull darba li jiġi ċċekjat id-demm, wieħed irid jieħu l-istick.
Fl-aħħar xhur f’pajjiżna beda jintuża meter ġdid biex wieħed jiċċekja l-livell tad-demm. Dwar dan il-meter mhux ta’ min wieħed joqgħod fuqu minħabba li ġieli ta riżultati mhux korretti.
Diversi Maltin u Għawdxin li għandhom din il-kundizzjoni ma jaffordjawx li jixtru dawn l-isticks hekk kif jiswew madwar €25 għal kull bott. Iżda minkejja li wieħed jaf ikun jaffordja jixtri l-isticks tad-Dijabete, xorta waħda jsibha diffiċli biex isibhom jaqblu mal-meter.
Min ma jkunx jaffordja m’għandux għażla oħra ħlief li jmur kontinwament fiċ-Ċentri tas-Saħħa biex jiċċekjaw id-demm. Peress li dan hu diffiċli minħabba d-drabi f’ġurnata li jkollhom jiċċekjaw il-livell tad-demm, uħud jgħażlu li jikkalkulawh.
Huwa ta’ importanza li wieħed jiċċekja l-livell tad-demm meta jbati mill-kundizzjoni tad-Dijabete biex jara kemm għandu jieħu insulina. Jekk wieħed jieħu iżjed jew inqas milli suppost iwassal għall-periklu tas-saħħa tal-persuna.
Il-problema hi waħda regolari minn mindu ddaħħal il-meter il-ġdid fl-aħħar xhur.
Diversi persuni bil-kundizzjoni tad-dijabete qed javviċinaw persuni li jsofru mill-istess kundizzjoni biex jgħinu lil xulxin f’dan il-każ, filwaqt li dawk responsabbli jidher li għal xhur sħaħ ma tawx widen.
//= $special ?>