Lokali

L-MSC Opera fi triqtu lejn Messina

Il-cruise liner MSC Opera, li lbieraħ kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja għax seta’ kien fi triqtu lejn Malta minkejja li ftit tal-jiem ilu kellu abbord persuna li rriżultat pożittiv għall-Coronavirus, issa jinsab fi triqtu lejn il-Port ta’ Messina, fl-Italja.

Kienet il-kumpanija li tmexxi dawn il-cruise liners stess li ħabbret din il-bidla fid-destinazzjoni wara li l-Gvern Malti lbieraħ qabel li l-vapur m’għandu jidħol fl-ebda port ta’ pajjiżna. Dan wara li għadd ta’ organizzazzjonijiet, fosthom il-MAM, ġibdu l-attenzjoni tal-Gvern li dan kien se jkun pass riskjuż wisq u mhux meħtieġ.

Fil-fatt, l-Assoċjazzjoni Medika qalet li kienet lesta ssejjaħ azzjonijiet industrijali lill-membri tagħha għax riedet tipproteġi lin-nies, filwaqt li l-politiċi jirrealizzaw il-pass li kienu se jagħmlu.

Dan anke wara li kien innutat li, minkejja li s-Sovrintendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ma aċċettatx li l-cruise liner jiddaħħal f’Malta, kienu qed isiru pressjonijiet biex il-Gvern ma jagħtix kas dawn il-pariri.

Iżda min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li ma kienx se jaċċetta l-vapur sempliċiment għax tqajjem l-allarm fost il-pubbliku.