Futbol Sport

Liverpool jegħlbu l-isfida ta’ Bournemouth u jagħmlu pass ieħor lejn it-titlu

(Ritratt: EPA)

Liverpool ħadu tliet punti oħra mill-konfront ma’ Bournemouth b’rebħa ta’ 2-1  f’Anfield Road biex ħadu pass ieħor lejn ir-rebħ tal-ogħla kampjonat Ingliż wara nuqqas ta’ 30 sena. Madankollu, ir-Reds reġgħu naqsu li jimpressjonaw, biċ-Cherries jagħtu sfida qawwija ferm lit-tim ta’ Jurgen Klopp li kien ġej minn telfiet konsekuttivi fil-kampjonat (ma’ Watford 0-3) u fl-FA Cup Chelsea (0-2). Intant, din kienet it-22 rebħa konsekuttiva għal Liverpool f’Anfield fl-ogħla kampjonat u kisru r-rekord li l-Merseysiders waqqfu fl-1972 meta kienu taħt it-tmexxija tal-manager leġġendarju Bill Shankly.

Bournemouth kellhom bidu mill-aqwa wara biss disa’ minuti meta Lerma xeħet kross fil-baxx fil-kaxxa fejn Callum Wilson ma kellux diffikultà biex jegħleb lil Adrian mill-viċin. Liverpool ma damux biex għamlu l-iskor 1-1 meta Mohamed Salah (fil-100 dehra tiegħu fil-kampjonat bil-flokk tar-Reds) sab ir-rokna tax-xibka wara li Sadio Mane kien seraq il-ballun lil Jack Simpson ta’ Bournemouth – b’Mane, imbagħad, javvanza waħdu u għeleb lil Ramsdale għat-2-1 fit-33 minuta. L-iskor minn dak il-ħin ma nbidilx iżda kellu jkun James Milner li salva lir-Reds meta qala’ il-ballun minn fuq il-linja fatali b’akrobazija mill-isbaħ fuq it-tentattiv ta’ Ryan Fraser.

Arsenal kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq West Ham United fl-Emirates Stadium, bl-eroj tal-Gunners ikun Alexandre Lacazette li 12-il minuta mit-tmiem, sab ix-xibka fuq l-assist ta’ Ozil, bil-gowl ikun ikkonfermat wara konsultazzjoni mal-VAR. West Ham kellhom biżżejjed ċansijiet biex jieħdu mqar punt mill-konfront iżda mill-ġdid spiċċaw b’idejhom vojta, bil-ġlieda tagħhom fin-naħa t’isfel tal-klassifika qed tkompli.

Crystal Palace irreġistraw it-tielet rebħa konsekuttiva fil-Premier League, bil-gowl uniku ta’ Jordan Ayew fit-28 minuta ikun biżżejjed għalihom biex jieħdu punti massimi mill-konfront ma’ Watford f’Selhurst Park. Dan kien it-tmien gowl għal Ayew fil-kampjonat, bl-attakkant mill-Ghana mill-ġdid ikun deċiżiv wara li l-ġimgħa l-oħra, kien skorja l-uniku gowl għall-Eagles li kienu qed jilagħbu barra minn darhom ma’ Brighton.

Sheffield United għelbu lil Norwich City 1-0, biex komplew jittamaw f’post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Madankollu huma għandhom għalfejn jirringrazzjaw lill-gowlkiper Dean Henderson, li fl-aħħar ħinijiet wettaq tliet saves kruċjali biex jippreserva l-vantaġġ tal-Blades. Kien Billy Sharp li żblokka r-riżultat fis-36 minuta iżda Norwich kienu perikolużi tul il-logħba u għaxar minuti mit-tmiem, Henderson wettaq żewġ interventi importanti waqt azzjoni li bdiet bid-daqqa ta’ ras ta’ Godfrey u kompliet bis-sehem ta’ Vrancic – u bil-gowlkiper żagħżugħ, imbagħad, isalva mill-ġdid it-tentattiv fuq il-lasta ta’ Jamal Lewis.

Southampton tilfu f’darhom 1-0 ma’ Newcastle United wara li kellhom jilagħbu ħafna mil-logħba b’għaxar plejers wara t-tkeċċija ta’ Moussa Djnepro, għal fawl fuq Isaac Hayden. Il-gowl importanti wasal minn Allan Saint-Maximin li approfitta mill-iżball ta’ Valery biex sab ix-xibka minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ McCarthy biex isalva. B’din ir-rebħa, Newcastle jinsabu tmien punti ‘il bogħod miż-żona l-ħamra meta fadlilhom disa’ logħbiet sa tmiem il-kampjonat.

Wolves u Brighton spiċċaw fi draw ta’ 0-0, f’Molineux, bil-konfront ikun prattikament mingħajr storja. L-aħjar ċans tal-logħba spiċċa f’saqajn Leander Dendoncker ta’ Wolves iżda hu spara għoli minn pożizzjoni ideali. Ir-riżultat ifisser ukoll li Brighton ilhom mingħajr rebħa fil-kampjonat mill-bidu tal-2020.

Dele Alli skorja t-tmien gowl tiegħu fil-Premier League biex salva draw ta’ 1-1, għal Tottenham Hotspur kontra Burnley f’Turf Moor. Il-Clarets kienu marru fil-vantaġġ wara biss 13-il minuta meta Chris Wood kien pront biex xeħet ġewwa wara li l-gowlkiper Lloris kien salva parzjalment it-tentattiv ta’ Jay Rodriguez. Intant Spurs rebħu penalty, fit-tieni taqsima, wara li Ben Mee waqqa’ lil Lamela fil-kaxxa – b’Alli jegħleb lil Nick Pope mill-ħdax il-metru.

Premier League

Illum: Arsenal v West Ham 1-0, Burnley v Tottenham 1-1, Crystal Palace v Watford 1-0, Liverpool v Bournemouth 2-1, Sheffield United v Norwich 1-0, Southampton v Newcastle 0-1, Wolves v Brighton 0-0

Għada: Chelsea v Everton 3.00pm, Manchester United v Manchester City 5.30pm

It-Tnejn: Leicester v Aston Villa 9.00pm