Lokali

Mitlub ‘bailout’ ta’ €4 miljuni għall-PBS

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS jibqa' fommu magħluq

Skiet totali mill-PBS wara li ilbieraħ il-ġurnal IN-NAZZJON żvela kif il-Bord tal-Public Broadcasting Services (PBS) iltaqa’ b’urġenza sabiex jiddiskuti l-possibiltà li jingħata bailout mill-BOV. Dan sabiex tiġi indirizzata l-problema kbira fil-finanzi tax-Xandir Nazzjonali.

Jirriżulta li l-Bord qabel li jikkunsidra strateġija ġdida ibbażata fuq din il-bailout, bis-sorsi tagħna jikkonfermaw li din it-talba “kienet waħda kbira”.

Dan is-sit għandu informazzjoni illi t-talba taf taqbeż l-€4 miljun. Għalkemm il-Bord iddiskuta ċifra li inizjament kienet ferm akbar. L-istorja oriġinali li ħriġna biha lbieraħ qatt ma ġiet miċħuda, iżda effettinament ħolqot furur fil-kurituri tal-PBS.

Li hu żgur hu, li din l-aħbar ħolqot rabja sħiħa fil-kurituri tax-Xandir fejn diversi ħaddiema huma urtati għall-istat finanzjarju li tinsab fih il-kumpanija, li tinkludi l-istazzjonijiet nazzjonali ta’ TVM, l-istazzjonijiet tar-radju kif ukoll sit fuq l-internet.

Dwar din l-istorja, bagħtna sensiela ta’ domandi liċ-Chairperson Tonio Portughese u lill-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli. Saqsejna għaliex issejjah dan il-meeting urġenti u jekk ġietx diskussa l-qagħda finanzjarja.

Fi twegiba xotta, is-Segretarju tal-Bord Mark Vassallo qalilna li f’kull laqgha tkun diskussa s-sitwazzjoni finanzjarja. Iżda ma tax dettalji ghad-domanda dwar kemm kien hemm żbilanċ jew bilanċ fl-2019. “Tagħrif dwar l-andament finanzjarju tal-kumpanija jingħata fil-Laqgħa Ġenerali Annwali”, qalilna l-avukat Vassallo.

Għal-laqgha ta’ din il-ġimgħa kien hemm preżenti d-Diratturi li jpoġġu fuq il-Bord tal-PBS, inkluż ovjament is-CEO – illi għażel li ma jagħti l-ebda reazzjoni għad-domandi li saru minn dan il-ġurnal, u baqa’ fommu sieket.

Il-kwistjoni tal-pagi qed toħloq frustrazzjoni b’mod partikolari fost il-part-timers u l-preżentaturi li għandhom diversi ħlasijiet b’lura.

Uħud mill-ħaddiema stqarrew magħna li “basta jsir ħafna paroli fuq il-PN, imbgħad dawn tellgħu djun tal-bliegħ fil-PBS”, b’ħafna jikkundannaw il-mod kif qed jimxi l-management mal-impjegati tax-Xandir.

Impjegati oħra irrimarkaw dwar il-fatt li l-PBS spicca post mahkum mill-influwenzi politici ta’ Kastilja, tant li anke l-Prim Ministru stess qabel kien elett leader laburista kien wieghed li se jaghmel il-manuvri tieghu.

Bħalissa fil-PBS hemm madwar 102 haddiem full-time u tnejn part-time.