Lokali Saħħa

KONFERMAT: l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’Malta

L-awtoritajiet Maltin qed jitrattaw l-ewwel każ ta’ Coronavirus, li jinsab f’iżolament f’Mater Dei. Il-każ jinvolvi tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta.

Il-Ministru tas-Sahha Chris Fearne, f’konferenza tal-aħbarijiet, ikkonferma dan il-kaz u qal li t-tifla tinsab f’kundizzjoni tajba.

It-tifla kienet fir-reġjun ta’ Tento fl-aħħar jiem flimkien ma’ oħtha u ż-żewġ ġenituri tagħha. Huma kienu l-Italja fuq btala, u rritornaw lura Malta minn Ruma t-Tlieta li għadda. It-tifla bdiet tħoss l-ewwel sintomi l-Ħamis.

Ġie konfermat li kemm it-tfal u anke l-ġenituri baqgħu f’darhom …u l-kuntatt “kien wieħed minimu”. It-tfal lanqas marru skola u l-ġenituri ma marrux xogħol. Il-familja kollha qed tinzamm izolata.

Sadanittant l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu studju ta’ min seta’ kellu kuntatt ma’ din it-tifla anke għall-fatt li din ħarġet mid-dar il-ġimgħa filgħaxija biex marret l-isptar Mater Dei fejn issa qed tinżamm iżolata.

Dan filwaqt li l-awtoritajiet ikkonfermaw li ġaladarba is-sintomi bdew meta kienet fi kwartina d-dar, minn kellu kuntatt mat-tifla fuq l-ajruplan u fl-ajruport ma jinsabx friskju.

Minkejja li dan l-ewwel każ ġie wara kuntatt fl-Italja, il-Ministru Chris Fearne qal li mhux ser ikun qed iwaqqaf titjiriet ġejjin mill-Italja u s-self quarantine se tibqa’ mhux mandatorja.

Apparti l-kaz ta’ din il-familja Taljana, hemm persuna oħra li qed tinżamm fi kwarantina mandatorja.

Din kienet l-ewwel darba li dawn it-tip ta’ konferenzi stampa mill-awtoritajiet tas-saħħa ġew indirizzati mill-Ministru tas-Saħħa.

Chris Fearne insista li m’hemmx lok għall-allarm. Fl-istess waqt, hu kkonferma l-istorja ta’ Net News illi l-Isptar Boffa se jkun qed jintuża bħala hub f’każ li s-sitwazzjoni teskala.

Fih hemm 60 sodda filwaqt li hemm żona f’Mater Dei fejn qed tinżamm it-tifla Taljana li fiha hemm 18-il sodda u sptar sigriet ieġor li fih hemm 12-il sodda.Sa issa saru aktar minn 300 test, li apparti wieħed, kollha rriżultaw fin-negattiv.

Għalkemm dan il-każ kien ilu f’idejn il-ġurnalisti ta’ Net News, b’responsabiltà għażilna li nippubblikaw l-aħbar wara l-konferenza stampa tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Min għandu xi domandi, issa jista’ juża l-Helpline il-ġdid 111.