Lokali

Se nibqgħu nagħtu l-għajnuna tagħna lill-Gvern u lill-awtoritajiet fl-aħjar interess tas-saħħa tal-poplu

L-Oppożizzjoni se tfittex il-komfort li l-Gvern ikun ippreparat għall-Coronavirus mingħajr allarm u paniku

“L-Oppożizzjoni se tibqa’ toffri l-għajnuna kollha lill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa fir-rigward tal-Coronavirus u se tibqa’ f’komunikazzjoni diretta biex isir dak kollu possibbli fl-aħjar interess tas-saħħa tal-poplu tagħna. Għalhekk ukoll l-Oppożizzjoni se tfittex il-komfort li l-Gvern ikun ippreparat fl-aħjar mod għaċ-ċirkostanza li l-każijiet jibdew jiżdiedu kif ġara f’pajjiżi oħrajn Ewropej mingħajr allarm u paniku.” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta llum sar magħruf li f’pajjiżna ġie rreġistrat l-ewwel każ tal-Coronavirus.

Dr Delia qal li fiċ-ċirkostanza ta’ mard kontaġġjuż, bħala pajjiż għandna nirreaġixxu b’mod sod, magħqud u infurmat u dan jista’ jsir ukoll b’kampanja edukattiva u ta’ informazzjoni dwar il-Coronavirus li tilħaq iżjed persuni u minn setturi differenti tas-soċjetà tagħna. Meta l-Ministu għas-Saħħa Chris Fearne ma tax id-dettalji kollha tal-pjan sħiħ wara dan l-ewwel każ f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni se tibqa’ timxi b’kawtela u tistaqsi biex l-istampa kollha tkun iżjed ċara. L-Oppożizzjoni qegħda u se tibqa’ tagħmel il-parti tagħha biex kulħadd jimxi mal-pariri li jingħataw mill-awtoritajiet.

Il-poplu jrid li ssir ġustizzja u s-serħan tal-moħħ wara t-traġedja ta’ din il-ġimgħa
Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni qed tesiġi li ssir inkjesta pubblika dwar it-traġedija li fiha tilfet ħajjitha Miriam Pace. Din l-inkjesta għandha tistabbilixxi x’wassal għal din it-traġedja, jekk sarx dak kollu li kien possibbli mill-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu skont il-liġi u jekk din it-traġedja setgħetx ġiet evitata milli sseħħ. Huwa qal li l-Gvern għandu r-responsabbiltà li jara li b’serjetà, b’liġijiet u infurzar tingħata l-protezzjoni kollha lil persuni li joqogħdu fi djar li jinsabu biswit siti tal-kostruzzjoni u mhux qed ifarfar dawn ir-responsabbiltajiet fuq ħaddieħor. Huwa ċar li r-riforma li kienet saret taħt il-Ministru Ian Borg kienet falliment, Tant huwa hekk li l-Prim Ministru Robert Abela deherlu li kellu jwaqqaf kumitat tekniku ieħor sabiex jagħmel riforma tar-riforma li kienet saret is-sena li għaddiet. Mill-konsultazzjoni li kien għamel il-Partit Nazzjonalista ma’ diversi għaqdiet, entitajiet, awtoritajiet u anke man-nies mill-pubbliku, jirriżulta li waħda mill-affarijiet illi għandha tiġi indirizzata minnufih kienet n-nuqqas ta’ infurzar. Adrian Delia qal li f’pajjiż normali jsir l-iżvilupp iżda r-residenzi u l-ġirien m’ghandhomx ikunu mħassbin għax għandu jkollhom il-konfort li l-Gvern qed jara li l-awtoritajiet jaraw li x-xogħol isir sew.

Ian Borg mhux talli ma jafx xinhi responsabbiltà politika, talli qed jabdika milli jagħmel dmiru u jagħti l-komfort li jixraqlu l poplu
Dr Delia qal li pajjiżna mhux skużi għandu bżonn iżda ġustizzja u soluzzjonijiet immedjati. Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni immedjatament iltaqgħet mal-Kamra tal-Periti ftit jiem wara li seħħet din it-traġedja. Huwa qal li din kienet traġedja li setgħet tiġi evitata li kieku l-Gvern ma njorax is-sinjali wara l-każijiet oħrajn ta’ tiġrif li seħħew matul l-aħħar xhur u għalhekk għandha tintrefa r-responsabbiltà politika mill-Ministru Ian Borg. Dr Delia qal li mill-Oppożizzjoni, l-PN jinsab impenjat li jibqa’ jwassal l-aqwa rakkomandazzjonijiet u proposti għas-settur tal-kostruzzjoni u se jinsisti li l-proposti leġislattivi u miżuri sabiex jissaħħaħ l-infurzar biex jinqata’ l-abbuż jiddaħħlu minnufih.

Qegħdin inwettqu riforma sħiħa mhux biss tal-istatut biex inwessgħu l-parteċipazzjoni.


Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar ġranet, il-Kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali kienu nvoluti f’diskussjonijiet twal dwar struttura u organizzazzjoni mġedda għall-partit. Wara dawn il-laqgħat se jiġi finalizzat l-ewwel abbozz tal-istatut tal-PN biex jiġi eżaminat mill-Kumitat Eżekuttiv. Huwa qal li l-poplu għandu bżonn Oppożizzjoni mġedda u organizzata u partit b’saħħtu biex joffri s-soluzzjonijiet għall-problemi li s-soċjetà qegħda taffaċċja u jkun ta’ s-servizz lill-pajjiż.