Futbol Sport

Żebbuġ jiksbu doppjetta fuq Qormi b’penalty kontroversjali … St. Andrews jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: Matthew Tabone)

ŻEBBUĠ R. …………………. 2

QORMI ……………………….. 1

Żebbuġ: M. Grech, A. Azzopardi, D. Fava, R. Vella (S. Darmanin 31’), M. Del Negro, M. Fagbeja (S. Nanapere 70’), C. Brincat, N. Ojuola, G. Gesualdi, K. Tanti (J. Farrugia 38’), L. Chiedozie

Qormi: J. Azzopardi, F. Fladby, N. Borg, F. Gnindokponou (C. Farrugia 88’), M. Borg, A. Abela, R. Mandic, L. Farrugia (S. Seychell 78’), A. Cassar, N. Ghio, B. Schembri (T. Gusman 64’)

Referee: Sandro Spiteri

Penalty kontroversjali fid-90 minuta ta rebħa lil Żebbuġ Rangers kontra Qormi fid-derby, biex b’hekk ir-Rangers wettqu doppjetta f’dan l-istaġun fuq il-ġirien. Il-logħba kienet fqira mil-logħob u mill-emozzjonijiet u kien biss fl-aħħar kwarta li ħadet il-ħajja.

Il-folla sabiħa u kulurita li attendiet għal dan id-derby ma tantx kienet offruta spettaklu denju. Dan għaliex il-logħba kienet verament kwieta b’ħafna logħob konfuż li żgur ma kienx riklam tajjeb għal-logħba tal-futbol.

L-unika azzjoni u xutt lejn il-lasta waslet fil-35 minuta bi free-kick dirett ta’ Nick Borg li kien salvat b’diffikultà minn Matthew Grech.  Ta’ min jgħid li f’din l-ewwel taqsima Żebbuġ kienu kostretti jagħmlu żewġ tibdiliet sfurzati fejn ħarġu Randall Vella u Kyle Tanti li kienu mibdula rispettivament ma’ Shaun Darmanin u Joseph Farrugia.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Chiedozie daħal tajjeb fil-kaxxa u qassam lejn Fagbeja li x-xutt tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta. Ftit wara risposta ta’ Qormi minn azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras ta’ Mandic tinżel fuq is-saqaf tax-xibka.

Fit-72 minuta Qormi fetħu l-iskor meta Darmanin ikkontrolla l-ballun b’idu fil-kaxxa u mill-11-il metru NICK BORG ma żbaljax. Il-ferħ tal-Qriema dam biss tliet minuti għaliex Żebbuġ kisbu l-gowl tad-draw meta f’azzjoni veloċi CHIEDOZIE żgiċċa lid-difensuri ta’ Qormi u skorja b’xutt fil-baxx.

Fid-90 minuta l-penalty diskutibbli li wassal għar-rebħa tar-Rangers. Mandic u Chiedozie ġibdu u waqqgħu lil xulxin, bir-referee jordna l-penalty li minnu SATURDAY NANAPERE skorja minkejja t-tentattiv ta’ Jamie Azzopardi li jsalva.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Deċiża b’gowl ta’ Jackson fl-ewwel taqsima

PIETA H. ……………….. 0

ST.ANDREW’S ……….. 1

Pietà: J. Chircop, L. McKay (C. Bouvet 76’), T. Bartolo, J. Ghio (S. Pisani 82’), N. Pisani, C. Sammut (D. Vukovic 18’), S. Mizzi, J.L. Caetano, K. Amehi, I. Jalo, J. Scicluna

St. Andrews: N. Grima, M. Muscat, I. Azzopardi, N. Bradshaw, C. Attah, J. Farrugia, M. Potezica, A. Borg Olivier, L.A. Borg (J. Sixsmith 87’), K. Jackson, W. Camilleri

Referee: Daniel Portelli

Wara żewġ telfiet konsekuttivi St. Andrews irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Pietà 1-0, grazzi għal gowl ta’ Jackson f’nofs l-ewwel taqsima. Ir-rebħa tas-Saints, kienet waħda meritata għaliex mingħajr dubju li s-Saints urew l-aħjar logħob matul id-90 minuta.

Għal Pietà diżappunt ieħor, fejn jidher li r-rebħa mqanżħa fost il-ġimgħa fuq Vittoriosa, rebħa li waslet wara serje ta’ tmien logħbiet mingħajr rebħa, ma kinitx il-mediċina li t-tim ta’ Pietà kellu bżonn, għaliex il-Hotspurs iddiżappuntaw.

Il-bidu kien bilanċjat bit-tim ta’ St.Andrews ikun xi ftit iktar perikoluż mill-avversarji b’tentattiv ta’ Luke Anthony Borg imur ftit barra. Fit-23 minuta St. Andrews marru fil-vantaġġ meta KEMMU JACKSON b’xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa sab ir-rokna tax-xibka.

Ftit wara azzjoni oħra tas-Saints u xutt ta’ Bradshaw li għadda ċentimetri bogħod mil-wieqfa. L-ewwel risposta ta’ Pietà waslet fil-35 minuta b’azzjoni personali ta’ Amehi li daħal tajjeb fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu mpenja lil Grima. Ftit qabel l-intervall rovexxjata spettakolari ta’ Amehi u risposta brillanti ta’ Grima li dawwar għal korner.

Fit-tieni taqsima St. Andrews ħarġu fuq l-attakk u Attah impenja lil Chircop li salva mal-art. Il-kumplament tat-taqsima kien wieħed interessanti iżda l-azzjonijiet perikolużi kienu verament ftit bit-tim tas-Saints dejjem iżomm taħt kontroll il-logħba, fejn Pietà qatt ma taw l-impressjoni li setgħu isalvaw il-logħba.