Internazzjonali

Arabja Sawdija: Reazzjoni soda fil-konfront ta’ ‘kolp ta’ stat’

People walk past a banner showing Saudi King Salman, right, and his Crown Prince Mohammed bin Salman, outside a mall in Jiddah, Saudi Arabia, Saturday, March 7, 2020. (AP Photo/Amr Nabil)

L-Awtoritajiet fl-Arabja Sawdija arrestaw tliet prinċpijiet – fosthom ħu r-Re Salman u n-neputi tiegħu – talli, allegatament, kienu qed jippjanaw kolp ta’ stat fil-pajjiż. Ir-reazzjoni determinata għall-allegat kolp, sadanittant, qed titqies bħala sinjal li l-Mexxej Sawdi li mistenni jieħu post Salman bħala Re qed jissikka l-kontroll fuq il-poter fi żmien partikularment sensittiv għal pajjiżu.

Il-gwardjani rjali żammew lill-Prinċep Ahmed bin Abdulaziz al-Saud, li jiġi ħu Salman, kif ukoll lill-Prinċep Mohammed bin Nayef (in-neputi ta’ Salman) fost akkużi li dawn it-tnejn kienu qed ‘jaħdmu’ biex jitwarrab ul-Prinċep Mohammed bin Salman, l-eredi għat-tron tas-Sawdi u meqjus  bħala ‘il-veru sors tal-poter’ fl-Arabja Sawdija.

Spiċċaw arrestati wkoll il-Prinċep Nawaf bin Nayef, ħu l-Prinċep Mohammed bin Nayef, flimkien ma’ numru ta’ uffiċjali militari u tal-Ministeru tal-Intern li huma akkużati bħala ‘sostenituri tal-kumplott’.

Intant, l-arresti tal-golpisti suspettati jidhru li warrbu kull ħjiel ta’ ‘oppożizzjoni potenzjali’ għall-Prinċep Mohammed bin Salman, bl-osservaturi jaqblu li issa  ma fadal xejn li jista’ jwaqqaf is-suċċessjoni ta’ Salman bħala r-Re tal-Arabja Sawdija.

It-tensjoni tal-aħħar sigħat qed issir fi żmien pjuttost diffiċli għall-Arabja Sawdija meta l-prezzijiet taż-żejt  (l-aqwa sors tad-dħul għall-pajjiż) ħadu daqqa ‘l isfel u meta  l-awtoritajiet Sawdi qed jillimitaw l-aċċess lejn l-aktar siti tal-Iżlam qaddisin minħabba l-biża’ dwar il-coronavirus.