Internazzjonali Saħħa

CORONAVIRUS: Fl-Italja jmutu 133 persuna f’ġurnata waħda biss

L-uffiċjali fl-Italja rappurtaw ‘il fuq minn 133 mewta f’perjodu ta’ 24 siegħa sabiex issa l-fatalijiet kawża tal-virus telgħu għal 366.

Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, l-awtoritajiet Taljani poġġew sa 16-il miljun persuna taħt kwarantina fost l-isforzi lejn it-trażżin tal-coronavirus.

L-Italja rreġistrat l-akbar numru ta’ infezzjonijiet mill-coronavirus fl-Ewropa, bl-ammont tal-każi kkonfermati jispara ‘il fuq b’aktar minn 3,000  għal ammont ta’ 7,375 – żieda ta’ 25% skont l-aħħar ċifri li ngħataw fi tmiem il-ġimgħa. Il-miżuri ġodda ta’ kwarantina qed jaffettwaw kwart tal-poplu waqt li huma kkonċentrati fl-aktar zoni sinjuri tal-pajjiż li jipprovdu l-ixprun tal-ekonomija għat-Taljani.