Lokali

“Għandna nitolbu lin-nisa biex ikunu fuq quddiem biex ibiddlu s-soċjetà tagħna” – Adrian Delia

“Għandna aħna nitolbu lin-nisa biex ikunu fuq quddiem sabiex ibiddlu s-soċjetà tagħna f’kull qasam. Għaliex in-nisa jġibu magħhom perspettiva differenti u valur kbir.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza diskussjoni tal-PN li ġiet organizzata għal Jum il-Mara.

Adrian Dr Delia qal li flimkien bħala pajjiż għandna nieħdu d-deċiżjonijiet u l-miżuri kollha li hemm bżonn biex ikun hawn bidla pożittiva radikali fis-soċjetà u l-pjattaformi kollha meħtieġa biex nindirizzaw u negħlbu l-ingwaljanza bejn is-sessi. Huwa qal li jeħtieġ din il-bidla fil-mentalità biex nimxu ‘l quddiem fl-ugwaljanza għaliex il-liġijiet waħedhom mhumiex biżżejjed. Dan meta globalment huwa kkalkulat li biex l-ingwaljanza tiġi indirizzata jridu jgħaddu 100 sena. Dr Delia qal li fl-istess ħin irid jingħata valur lin-nisa li jagħżlu li jaħdmu fid-dar, għaliex din ukoll hija mara ta’ suċċess speċjalment fit-tkattir tal-familja u l-valuri tal-ulied.

Adrian Delia qal li meta l-Gvern Laburista jiftaħar li kellu jkun l-iżjed gvern femminista fl-istorja ta’ Malta, sfortunatament f’pajjiżna għandna l-agħar rekord fil-gender pay gap u fl-ammont ta’ nisa fil-bordijiet. Huwa qal li għall-Gvern Laburista l-mara hija biss prodott u bil-liġijiet għall-prostituzzjoni li qed jimbotta ‘l quddiem, qed jgħidilna b’mod ċar li fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet mhemmx il-valur uman iżda l-flus. Dan meta 40 għaqda mhux governattiva qegħdin jgħid lill-Gvern biex ma jbiddilx lil pajjiżna f’ċentru tal-prostituzzjoni.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li huwa importanti li jkollna rappreżentanza ikbar tal-ġeneri fil-Parlament, mhux biss għaliex huwa dritt tal-mara iżda wkoll għaliex huwa importanti għall-Parlament stess sabiex ikun hawn rappreżentanza akbar tas-soċjetà sħiħa. Il-PN ħatar lil Graziella Attard Previ u Alessia Psaila Zammit biex flimkien ma’ esperti oħra, fosthom l-eks Ministru u espert tal-Kostituzzjoni Tonio Borg, ifasslu rakkomandazzjonijiet sabiex jidħol fis-seħħ mekkaniżmu li jipprovdi għal aktar nisa fil-Parlament.