Internazzjonali

Greċja-Turkija: Tkompli t-tensjoni f’Evros fost il-kriżi tal-immigranti

Għexieren ta’ membri tal-Parlament Ewropew li jirrappreżentaw erba’ gruppi politiċi talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni immedjata lejn soluzzjoni effettiva u permanenti għall-kriżi tal-immiganti li ilha l-jiem mal-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija.

Id-deputati – fosthom Demokratiċi, Liberali, Soċjalisti u Ħodor, enfasizzaw, permezz ta’ ittra, biex it-Turkija ‘ma tkomplix tuża lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerer bħala mezz għal pressjoni ġeopolitika fuq il-Greċja u, effettivament, il-kumplament tal-Ewropa’,

Qed jispikka wkoll il-messaġġ li l-Greċja ‘m’għandhiex u ma tistax tiffaċċja l-kriżi tal-immigranti waħedha’.

Fl-aħħar sigħat irrankat mill-ġdid it-tensjoni mal-fruntiera tal-Greċja mat-Turkija u b’mod partikulari viċin il-belt ta’ Kastanies, fiz-zona ta’ Evros. Dan wara li ntefgħu ‘ammont ta’ kimiċi’ (b’mod partikulari gass tad-dmugħ) min-naħa Torka tal-fruntiera lejn it-territorju Grieg. Kienu rappurtati wkoll ‘azzjonijiet aggressivi’ minn persuni viċin l-access bejn it-territorji rispettivi u li kienu qed jippruvaw jaqtgħu l-fence li jipproteġi z-zoni tal-Griegi.

Il-qawwiet tas-sigurtà Griegi għadhom skjerati fiz-zoni fejn qed jikkontrollaw kull attentat mill-gruppi tal-immigranti milli jinfiltraw mit-Turkija lejn arthom.

Sadanittant, il-muniċipalità ta’ Sintiki, f’Maċedonja Ċentrali u fejn tinsab il-belt ta’ Sidirocastro, qablet biex iżżomm kamp ġdid għall-immigranti fit-territorju tagħha. Dan il-kamp ġdid hu intiż li jżomm lill-immigranti li daħlu fil-Greċja illegalment wara l-1 ta’ Marzu.

Fi żviluppi oħra, immigranti u refuġjati li pruvaw jaqsmu mit-Turkija lejn il-Greċja fissru x-xeni mal-fruntiera bħala ‘episodju minn xi film tal-orrur’. Dan meta l-potenzjal għal katastrofi umana kompla jikber mindu t-Turkija fetħet il-fruntieri tagħha għall-immigranti biex jitilqu minn artha lejn l-Ewropa.

Intant, il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, ħareġ direttiva lill-gwardjani tal-kosta tat-Turkija biex jipprojbixxu lir-refuġjati milli jaqsmu mill-fruntiera tal-baħar mal-Greċja, li, min-naħa tagħha, insistiet li s-sigurtà tagħha (fuq livell nazzjonali) tinsab mhedda.

Fl-aħħar ħinijiet, eluf ta’ immigranti kienu għadhom ‘fl-art ta’ ħadd’ fuq in-naħa Torka tal-fruntiera huma u jistennew għal xi ‘żblokk’ li jippermettilhom biex jivvjaġġaw lejn l-Ewropa.