Lokali

“Ħtieġa ta’ mekkaniżmi fid-dinja biex il-mara tilħaq il-milja tagħha”

Ritratt: Matthew Tabone
Alessia Psaila Zammit tgħid li l-mara titneżża mid-dinjità jekk tkun għodda tan-negozjati

“Il-mara m’għandhiex bżonn mekkaniżmi għaliex waħedha hija kapaċi. Hija d-dinja li għandha bżonn il-mekkaniżmi korrettivi għaliex mhijiex tħalli lill-mara tilħaq il-milja tagħha.”

Saħqet dan Alessia Psaila Zammit, membru f’isem il-PN fuq il-bord tekniku tal-Gvern li se jemenda l-liġi elettorali b’mekkaniżmu korrettiv favur membri parlamentari nisa, f’intervent ieħor fl-attività tal-PN għal Jum il-Mara.

Fid-dawl tad-deċiżjoni storika tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li qabel fil-prinċipju li jsir mekkaniżmu għal aktar nisa fil-Parlament grazzi għall-persistenza u l-ġenwinità ta’ grupp żgħir ta’ nisa fi ħdan dan l-organu tal-Partit, Psaila Zammit qalet li l-Partit għadu jrid jifhem il-ġid kbir li għamel għalih innifsu u għall-pajjiż b’din id-deċiżjoni.

Hawnhekk appellat għall-maturità politka fid-diskussjonijiet, li fiċ-ċentru tagħhom għandhom ikollhom lill-mara, u biex dawn jiġu konklużi fl-iqsar żmien. Il-minority leader tal-PN fis-Siġġiewi appellat dabiex il-mara ma tkunx għodda tan-negozjati għaliex titneżża mid-dinjità.

Alessia Psaila Zammit qalet li hi kkontestat elezzjonijiet mal-Partit Nazzjonalista anki meta ma kienx hemm dan l-mekkaniżmu. Dan għaliex dejjem emmnet li bħala mara huwa bżonn li tati kontribut fil-politika. Hi qalet li dejjem ffukat ukoll fuq kampanja li titratta materji li jolqtu lin-nisa. Żiedet li temmen pero li l-mekknizmu se jsaħħaħ is-sehem tal-mara fil-politika u jressaq aktar nisa lejn l-politika. 

Fid-diskors tagħha, il-kunsilliera Nazzjonalista lmentat li ħafna materji b’rabta mal-mara għadhom taħt it-tapit u wegħdet li se tibqa’ vuċi soda għall-mara bla biża’ sabiex ikollha opportunitajiet indaqs fis-soċjetà u tilħaq il-milja tagħha.

Filwaqt li sellmet il-memorja ta’ Miriam Pace u lissnet ix-xokk għal dak li ġara, saħħqet kif kellha tkun din it-traġedja biex ittella’ fuq l-aġenda dwar l-irwol tal-mara tad-dar fis-soċjetà Maltija u tittama li din il-materja ma tmutx fuq ommha fi ftit jiem.