Rapport: Stewart Said
GŻIRA U…………………. 0
BIRKIRKARA………….. 2
Gżira: J. Haber, D. Xuereb, R. Soares (C. Gatt Baldacchino 65’), G. Conti, J. Corbalan, Z. Scerri, N. Muscat (A. Samb 64’), M. Criaco (K. Pulo 15’), H. Kone, M. Davis, W. Domoraud
Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, O. Carniello, C. Bonanni, I. Ntow, R. Briffa, Y. Yankam, P. Mbong (R. Fenech 73’), C. Prado (D. Capel 84’), K. Zammit, F. Falcone (M. Mifsud 88’)
Imwissija: W. Domoraud 60’ (G)
Skorja: C. Prado 25’, D. Capel 86’ (B)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Roberto Vella
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Yannick Yankam (Birkirkara)
BOV Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)
Attendenza: 587
Tasal ir-raba’ rebħa konsekuttiva għal Birkirkara li kkonfermaw il-forma mill-aqwa jinsabu fiha. B’din ir-rebħa ta’ 2-0 huma qabżu lill-istess Gżira United biex komplew jersqu li jiksbu post fl-Ewropa. Għal Gżira dan kien diżappunt ieħor hekk kif naqqsu li jkunu perikolużi biżżejjed quddiem il-lasta ta’ Andrew Hogg. Din kienet it-tielet telfa f’ħames logħbiet taħt it-tmexxija ta’ Paul Zammit, li inċidentalment kien qed jiċċelebra l-400 logħba tiegħu bħala kowċ fil-Kampjonat Premier.
Din it-telfa ttemm it-tamiet ta’ Gżira li jirbħu l-kampjonat u bis-sitwazzjoni tagħhom iridu joqogħdu attenti għaliex qed jissugraw serjament li jibqgħu barra mill-Ewropa, hekk kif huma eliminati mill-FA Trophy. Zammit kellu jilgħab mingħajr id-difensur ċentrali Fernando Barbosa filwaqt li f’nofs it-tieni taqsima weġġa’ id-difensur ċentrali regolari l-ieħor Rodolfo Soares, li saħansitra kellu jinbidel.
Fuq in-naħa l-oħra, Andrè Paus kien mingħajr Enrico Pepe u Matthew Guillaumier, b’Kurt Zammit ikun utilizzat fil-qalba tad-difiża filwaqt li l-veteran Roderick Briffa lagħab f’nofs il-grawnd. Birkirkara fetħu aktar fuq l-offensiva u wara żewġ minuti kellhom l-ewwel tentattiv b’xutt fil-baxx ta’ Yannick Yankam li ġie salvat minn Justin Haber. L-istess plejer prova fid-19-il minuta b’xutt li għadda għoli wara kontrattakk.
Birkirkara marru fil-vantaġġ fil-25 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ CAIO PRADO li għeleb lil Justin Haber, bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka. Ir-reazzjoni tal-Gżirjani waslet fil-31 minuta bi free-kick ta’ Hamed Kone li ġie blokkat f’korner minn Andrew Hogg. Il-Karkariżi resqu qrib it-tieni gowl fit-42 minuta bi free-kick perikoluż ta’ Claudio Bonanni jkun imdawwar f’korner minn Justin Haber.
L-andament fit-tieni taqsima naqqas ftit, b’Gżira jonqsu li jkunu biżżejjed perikolużi biex iġibu d-draw filwaqt li Birkirkara kkontrollaw aktar lill-avversarji. Fid-59 minuta, Yankam għamel spazju għalih innifsu iżda x-xutt tiegħu kien ċentrali għal Haber. Gżira żiedu fil-pussess iżda ma kinux perikolużi. Kien fis-86 minuta li Birkirkara għalqu l-logħba meta minn throw-in fit-tul ta’ Cain Attard, is-sostitut DIEGO CAPEL avvanza u żerżaq il-ballun wara Haber.
//= $special ?>