Lokali

“Il-Gvern qatt ma kellu pjan serju biex jirregolarizza l-iżvilupp tal-bini”

Wieħed mill-messaġġi li twassal ilbieraħ fil-protesta organizzata mill-Moviment Graffiti qrib is-sit tal-kostruzzjoni fejn tilfet ħajjita Miram Pace fil-Ħamrun

“Minkejja l-ħafna paroli u regoli li l-Gvern jiftaħar bihom dwar il-mod kif isir l-iżvilupp tal-bini u l-infrastruttura, aħna li ngħixu f’dan is-settur nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li dan il-kliem hu kollu fiergħa.

“Il-Gvern mhux veru li għamel xi regoli li ried jinfurzahom fil-mod kif isir il-bini. Il-verità hi li f’pajjiżna hawn numru ta’ kuntratturi li huma serji u li jidħlu f’ħafna spejjeż biex jimxu mar-regolamenti tal-bini, iżda mbagħad hawn ħafna kuntratturi li jaħdmu bl-addoċċ, bla ebda ħarsien għar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fil-postijiet tax-xogħol u litteralment jiġu jaqgħu u jqumu mill-binjiet l-oħra li jkunu jmissu mal-perimetru tal-iżvilupp.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument ħaddiem tas-sigurtà u l-ħarsien ta’ saħħet il-ħaddiema u l-ġirien fil-postijiet tal-kostruzzjoni li iżda ma setax jiżvela l-identità tiegħu minħabba l-post fejn jaħdem.

“Jien niġi wiċċ imb wiċċ ma’ ħafna binijiet fejn qed isir l-iżvilupp. Immur f’ċerti postijiet u nieħu gost nara li l-affarijiet isiru kif suppost, iżda mbagħad immur f’ħafna postijiet oħrajn fejn ix-xogħol litteralment isir bl-addoċċ biex il-kuntrattur jiffranka mill-ispejjeż.

“Jien nistenna li l-persuni tal-Gvern inkarigati miċ-ċertifikazzjoni tal-mod kif isir ix-xogħol, jintebħu b’dak kollu li jkun għaddej u mhux l-ewwel isiru t-traġedji u mbagħad naraw x’se nagħmlu.

“Hawn ħafna siti li qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni fihom fejn il-ħaddiema ma jkunux lebsin ilbies protettiv, il-binja ma tkun qed issir kif suppost, scaffolding ma jitwaqqafx kif mistenni u ċertifikat u, agħar min hekk, flok scaffolding tara ħafna twavel u ħbula jperpru fl-arja. Possibbli dan kollu min hu konċernat ma jarahx?”

Dan l-uffiċjal żied li anki abbużi dwar il-materjal użat fix-xogħol ta’ kostruzzjoni qegħdin iseħħu. “Suppost jingħata konkrit ta’ ċertu kalibru u minflok jingħata konkrit ta’ kalibru inferjuri biex ikunu ffrankati l-flus. Suppost li titpoġġa xibka ta’ ċertu qies, iżda minflok titpoġġa xibka ta’ qies inferjuri. Dan japplika għal għadd ta’ materjal ieħor u l-iskop hu biex il-kuntrattur jeħles bl-inqas spejjeż possibbli. Fejn huma l-Periti tal-proġetti? U kif jiċċertifikaw ix-xogħlijiet li jkunu saru?

“U fejn huma l-uffiċjali tal-awtoritajiet kollha l-oħra tal-Gvern li joħorġu ċ-ċertifikazzjoni biex l-Enemalta tista’ tagħti l-permessi għad-dawl? Ħallata ballata bil-Gvern joħroġ li ma hu veru xejn li jrid is-serjetà f’din l-industrija li jien aktar insejħilha ġungla kbira.

“Anzi jien niskanta kif ma jkollniex traġedja kull ġimgħa… jekk mhux kuljum. Kulħadd jagħmel li jrid. Trakkijiet kbar mhux ċertifikati għat-toroq għax bla tyres… it-tyres huma mikula; ħaddiema mhux imħarrġa u bla għodda adegwata; balla barranin  li ma jkunux jafu x’qed jaħdmu għax bla sengħa… anarkija sħiħa u l-Gvern ma jaqbadx il-barri minn qrunu u jindirizza bis-serjetà – u mal-partijiet l-oħra kollha – din il-kwistjoni delikata.,” qaltilna din il-persuna li temmet tgħidlna li kemm-il darba l-affarijiet mhux se jitranġaw, allura ma teskludix aktar diżgrazzji fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.