Internazzjonali

Il-Kyrgyzstan: Vjolenza waqt Jum il-Mara

Il-Pulizija f’Bishkek, il-kapitali tal-Kyrgyzstan, arrestaw għexieren ta’ dimostranti, fil-parti kbira nisa, waqt rally li kien qed ifakkar il-Jum Internazzjonali tal-Mara, u wara li gruppi ta’ irġiel armati attakkaw lin-nisa u qattgħu t-tabelluni li kienu qed iġorru.

Numru kbir ta’ nisa spiċċaw mgħobbijin fil-vetturi tal-pulizija fiċ-ċentru ta’ Bishkek wara li l-gruppi kienu bdew dimostrazzjoni kontra ‘il-vjolenza bbażata fuq id-diskriminazzjoni bejn is-sessi’. L-irġiel li attakkaw lin-nisa kienu lebsin il-maskri u fejn, fost oħrajn, waddbu l-oġġetti lejn id-dimostranti qabel ħarbu mix-xena.

L-awtoritajiet tal-pulizija f’Bishkek qalu li n-nisa spiċċaw arrestati għas-sigurtà tagħhom stess u li l-istess awtoritajiet ma kenux infurmati minn qabel dwar ir-rally. Dan waqt li n-nisa kienu akkużawti wkoll għall-‘ksur tal-ordni pubblika’, bid-dimostranti arrestati, maż-żmien, jinħelsu, anki jekk uħud għad jistgħu jispiċċaw immultati ‘għal reżistenza lill-pulizija’.