Lokali Saħħa

Il-Union tal-Cabin Crew turi t-tħassib tagħha dwar il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu

Il-Union tal-Cabin Crew tingħaqad ma’ għaqdiet oħra sabiex turi t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19, speċjalment issa li l-ewwel każi ta’ dan il-virus ġew identifikati fil-pajjiżna. 

Membri ta’ din il-union jinsabu inkwetati peress li huma qed ikunu l-ewwel persuni li qed jiltaqgħu ma’ nies li jivvjaġġaw lejn Malta abbord titjiriet minn pajjiżi b’riskju għoli. 

Għalkemm il-komunità tagħhom tadotta prekawzjonijiet ssuġġeriti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, huma jaħsbu li huwa ta’ riskju għoli li l-membri u l-familji tagħhom ikomplu joperaw titjiriet lejn pajjiżi b’riskju għoli bħall-Italja ta’ Fuq. 

Filwaqt li l-passiġġieri li jaslu minn dawn il-pajjiżi qed jintalbu li jibqgħu kwarantina d-dar, l-ekwipaġġ l-għada jerġa’ jirritorna lura għax-xogħol daqslikieku qed joperaw titjira f’xenarju normali.

Il-UCC taħseb li l-awtoritajiet rispettivi għandhom jieqfu dawk it-titjiriet li joperaw lejn pajjiżi b’riskju għoli mhux biss għall-benefiċċju tal-membri tagħna iżda saħansitra għall-interess nazzjonali.