Lokali

“Is-soċjetà għandha d-dritt li tgawdi minn tmexxija ugwali bejn in-nisa u l-irġiel”

Ritratt: Matthew Tabone
Francis Zammit Dimech tenna l-impenn tal-PN fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-mara fis-soċjetà għal dik ugwali mar-raġel

Is-soċjetà toħroġ telliefa jekk ma tiksibx id-dritt li tgawdi minn tmexxija ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Trid tkun aktar konxja tal-ugwaljanza bejn is-sessi, partikolarment lin-nisa vittmi tal-vjolenza domestika, biex bl-eżempju ta’ Ruth Galea Pace, nagħtuhom is-saħħa biex iqumu fuq saqajhom u javvanzaw ’il quddiem f’ħajjithom.

Saħaq dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, waqt id-diskussjoni tal-Partit Nazzjonalista organizzata għal Jum il-Mara.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti s-sehem sħiħ tiegħu sabiex jipproponi u jara li jipu attwati kunċetti reali li jassiguraw il-ħarsien tal-mara u l-ugwaljanza tagħha f’kwalunkwe abbozz ta’ liġi mressqa quddiem il-Parlament. Dan bil-kontra tal-Gvern li mingħalih li hu Liberali hekk kif is-Segretarju Ġenerali ċanfru talli b’għemilu qiegħed jiddenegra lill-mara b’mod assolut, partikolarment bl-abbozz ta’ liġi dwar il-prostituzzjoni.

Zammit Dimech elenka kif kienu minn dejjem il-valuri u l-prinċipji li ddistingwew lill-Partit Nazzjonalista u tawh gwida serja biex ġab inklużjoni totali mhux biss fil-Partit, iżda anki fil-pajjiż.

Huwa lmenta kif kellna naslu f’sitwazzjoni li qegħdin niddiskutu fuq mekkaniżmu korrettiv sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament. Dan hekk kif il-liġi elettorali li qdietna għal għexieren ta’ snin irnexxielha tiddiskrimina mal-mara fuq livell parlamentari. Dan wara li l-Partit Nazzjonalista mexxa battalja sħiħ biex irnexxielu jdaħħal il-proporzjon tas-siġġijiet fid-distretti biex tikkoreġi xi ħaġa ħażina fis-sistema elettorali.

Wieħed għandu jdur għall-għeruq jistaqsi għaliex ma hemmx biżżejjed taħriġ għall-mara fid-dinja, għaliex m’għandhom opportunitajiet ugwali daqs l-irġiel fil-politika u għaliex il-partiti politiċi ma jippreżentawx biżżejjed nisa fuq il-polza tal-vot. Għalhekk, Francis Zammit Dimech appella għal trattament xieraq, għal aktar inċentivi għan-nisa biex isaħħu l-preżenza u l-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet.

Is-Segretarju Ġenerali fakkar kif il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għamel tant biex emanċipa lill-mara fis-soċjetà, partikolarment fil-qasam edukattiv fejn fl-edukazzjoni terzjarja, in-nisa prattikament qegħdin jiddominaw lill-irġel. Gvernijiet Nazzjonalista implimentaw radikalment emendi għal bosta liġijiet, fosthom dik tal-familja u anki d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess fil-kostituzzjoni.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Zammit Dimech sellem lill-memorja ta’ Evelyn Vella Brincat, eks-kunsilliera tal-PN f’Pembroke li tilfet il-battalja mal-kanċer, hekk kif il-Partit Laburista, permezz tal-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd, Kulħadd, għażlet li timmina l-memorja tagħha propja f’Jum il-Mara. Dan hekk kif ffummenta storja li Vella Brincat hija waħda minn dawk li qiegħda turi nuqqas ta’ rispett fl-elezzjoni każwali fuq id-9 Distrett u kien għalhekk appella lill-Partit Laburista sabiex jitlob apoloġija lill-familja.