Futbol Sport

Juventus jirbħu l-konfront dirett u jerġgħu jitilgħu fil-quċċata

(Ritratt: EPA)

Juventus prattikament eliminaw lil Inter mit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat b’rebħa ta’ 2-0 fl-Allianz Stadium. Milan sofrew it-tieni telfa fil-kampjonat fl-2020 b’telfa kontra Genoa. Il-kuġini tagħhom Sampdoria rebħu wkoll iżda f’darhom kontra Verona filwaqt li Spal qabżu lil Brescia fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika. Dawn il-logħbiet intlagħbu kollha bil-bibien magħluqa minħabba t-tixrid tal-coronavirus.

TURIN – Dan il-konfront kien meqjus bħala wieħed mill-aktar importanti minħabba li laqqa’ żewġ timijiet li tul il-kampjonat kienu ras imb ras. Juventus ħarġu rebbieħa 2-0, b’Inter ma joffrux reazzjoni denja wara li marru minn taħt. Juventus fetħu l-iskor fil-55 minuta meta minn kross fil-baxx ta’ Blase Matuidi, il-ballun spiċċa għand AARON RAMSEY li b’xutt fil-baxx li kien imxellef ftit minn Stefan de Vrij għeleb lil Samir Handanovic. Il-Bianconeri aċċertaw mir-rebħa fis-67 minuta b’azzjoni personali mill-isbaħ ta’ PAULO DYBALA li għeleb lil Handanovic b’konklużjoni fil-baxx.

MILAN – Milan kienu sorpriżi minn Genoa f’San Siro b’telfa ta’ 2-1. It-tim ta’ Davide Nicola fetaħ l-iskor wara biss seba’ minuti bi kross fil-baxx ta’ Antonio Sanabria jsib lil GORAN PANDEV li kompla għal ġewwa mill-viċin. FRANCESCO CASSATA rdoppja fil-41 minuta b’konklużjoni mill-viċin wara li rċieva kross mil-lemin. Milan daħlu fil-logħba fis-77 minuta b’gowl opportunist ta’ ZLATAN IBRAHIMOVIC wara li xutt ta’ Giacomo Bonaventura ħabat ma’ avversarju.

PARMA – Spal inqalgħu mill-aħħar post b’rebħa ta’ 1-0 fi Stadio Tardini kontra Parma. Il-gowl li fired liż-żewġ timijiet wasal fil-71 minuta b’fawl ta’ Bruno Alves fuq Mattia Valoti. ANDREA PETAGNA bagħat lil Simone Colombi n-naħa l-oħra tal-ballun b’konklużjoni b’saħħitha.

GENOVA – Sampdoria kisbu tliet punti importanti li bihom ħarġu miż-żona tar-relegazzjoni b’rebħa ta’ 2-1 f’darhom kontra Verona. Kien it-tim ta’ Ivan Juric li mar fil-vantaġġ fit-32 minuta b’konklużjoni ta’ Mattia Zaccagni li ħabtet mal-gowlkiper Emil Audero u baqgħet dieħla fix-xibka. Sampdoria ġabu d-draw fis-77 minuta bi kross ta’ Fabio Depaoli jsib lil FABIO QUAGLIARELLA li b’konklużjoni fil-baxx mill-ewwel għeleb lil Marco Silvestri. Il-gowl tar-rebħa wasal fis-86 minuta meta ngħataw penalty wara konsultazzjoni mal-VAR. Inkariga ruħu FABIO QUAGLIARELLA li ma żbaljax.

UDINE – Udinese u Fiorentina spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls fid-Dacia Arena. Iż-żewġ difiżi spikkaw f’logħba missielta, bl-okkażjonijiet ta’ skor ma kinux wisq. Fost l-aħjar okkażjonijiet, Alfred Duncan seta’ ta r-rebħa lil Fiorentina fit-tieni taqsima iżda naqas li jikkontrolla l-ballun fil-ħin minn pożizzjoni tajba.