Futbol Sport

Juventus jitolbu li jilagħbu f’Malta l-logħba li jmiss miċ-Champions League

(Ritratt: EPA)

Replay (Net Television) żvela li fl-aħħar jiem iċ-champions Taljani, Juventus għamlu kuntatt mal-ogħla esponenti tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol biex jistaqsu dwar il-possibbiltà li l-klabb jilgħab il-logħba li jmisshom kontra Lyon mill-kompetizzjoni tal-UEFA Champions League f’Malta, propju fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali.

Din it-talba tasal wara li l-klabb minn Turin kien milqut mid-direttiva tal-Gvern Taljan li kull avveniment sportiv irid jintlagħab wara l-bibien magħluqa. Propju llejla l-partitissima bejn Juventus FC u FC Inter se tintlagħab regolarment fl-Allianz Stadium iżda bla pubbliku.

Jidher li Juventus FC tkellmu wkoll mal-UEFA fuq din il-possibilita’ biex il-logħba kontra Olympique Lyonnaise ta’ Franza ssir f’Malta u tkun miftuħa għall-pubbliku.

Jidher li l-MFA ħalliet l-possibiltajiet kollha miftuħa biex fl-eventwalita’ li l-UEFA taċċetta, jkunu jistgħu jsiru diskussjonijiet mal-Gvern Malti u l-awtoritajiet tas-Saħħa lokali dwar jekk avveniment sportiv tal-massa bħal dan hux ta’ riskju għal pajjiżna u dan qabel tkun tista’ tibda titkellem mal-partijiet kollha konċernati dwar l-organizazzjoni ta’ manifestazzjoni sportiva ta’ dan it-tip.

Huwa fatt li bejn l-MFA, l-FIGC u l-klabb Taljan teżisti relazzjoni tajba ħafna u mhux eskluz li din it-talba tkun deċiża fis-sigħat li ġejjin għaliex il-preparamenti neċċessarji għall- logħba, li se ssir fis-17 ta’ Marzu huma esiġenti.

Tajjeb infakkru li sa issa l-Gvern Malti ma ħareġ l-ebda direttiva fuq avvenimenti tal-massa kemm jekk sportivi, soċjali jew kulturali.

L-MFA kkonfermat din l-aħbar u fi stqarrija kkonfermat li skartat il-possibbiltà fejn qalu li “huma biss il-klabb involut u l-UEFA li jistgħu jippronunċjaw ruħhom dwar il-partita in kwistjoni.”