Rugby Sport

L-Iskoċċiżi jtappnu ċ-ċans ta’ Franza li tirbaħ is-Six Nations

(Ritratt: Six Nations)

It-tama ta’ Franza li tirbaħ is-Six Nations bi Grand Slam intemmet wara li f’Murrayfield kienet megħluba mill-Iskozja 28-17, f’dik li kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva għalihom f’dan l-istadium. It-tim immexxi minn Fabien Galthie rebaħ l-ewwel tliet logħbiet ta’ din l-edizzjoni iżda karta ħamra lil Mohamed Haouas ħalla lill-Iskoċċiżi jieħdu l-kontroll tal-logħba. B’dan ir-riżultat, Franza tinsab fit-tieni post b’differenza ta’ punti inferjuri għat-tim Ingliż.

Sal-ewwel 20 minuta, l-Iskozzja kellha vantaġġ ta’ 6-0 b’żewġ penalties ta’ Adam Hastings. Il-Franċiżi permess ta’ Damian Penaud, kisbu l-ewwel try tal-konfront u permezz tal-conversion ta’ Matthieu Jalibert marru 7-6 minn fuq. Reazzjoni brillanti mill-Iskozja li permezz ta’ penalty minn Hastings u try ta’ Sean Maitland eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, daħlu jistrieħu 14-7 fil-vantaġġ.

Bidu tajjeb mit-tim Britanniku għat-tieni taqsima bi try ieħor ta’ Maitland fil-45 minuta u conversion ta’ Hastings u b’hekk il-vantaġġ kiber għal 21-7. Jalibert naqqas id-distakk b’penalty fil-61 minuta, iżda l-Iskozja aċċertat mir-rebħa fil-65 minuta bit-tielet try għalihom permezz ta’ Stuart McInally għal vantaġġ komdu ta’ 28-10. Franza naqqset id-distakk erba’ minuti mit-tmiem bi try ta’ Charles Ollivon u conversion ta’ Jalibert.