Lokali

“Ma nimmanipulawx lis-soċjetà tagħmel affarijiet li ma tridx”

Ritratt: Matthew Tabone
Claudette Buttiġieġ tgħid li l-pjan dijaboliku tal-Gvern dwar il-prostituzzjoni huwa inaċċettabbli

“Għandna Gvern li għal Jum il-Mara jagħtina rigal importanti, li jiftaħ is-suq tal-prostituzzjoni! Flok nikkuppjaw l-affarijiet tajbin ta’ pajjiż oħra, Rosianne Cutajar tridna naddottaw l-iżbalji tagħhom!”

Saħħqet dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-drittijiet ugwali, Claudette Buttġieġ, fl-attività tal-Partit Nazzjonalista għal Jum il-Mara, filwaqt li wissiet lill-Gvern sabiex ma jimmanipulax lis-soċjetà tagħmel affarijiet li ma tridx.

Buttiġieġ qalet li huwa inaċċettabbli li pajjiż modern bħal Malta qiegħed jikkontempla fuq dan il-pjan dijaboliku, simili għall-briedel fil-Ġermanja u t-tlajjar permess fin-New Zealand, minflok jimxi fuq il-mudell tal-ugwaljanza tal-mara fil-Kanada, l-Iżrael u l-Iskandinavja.

Hija xejjnet kwalunkwe statistika msemmija mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, hekk kif 1% tan-nisa fil-prostituzzjoni jagħmlu dan ix-xogħol minn jeddhom, b’oħrajn huma sfurzati jew sfruttutati. Li kieku jiġi implimentat dak li trid Rosianne Cutajar, id-domanda għall-prostituzzjoni tant tiżdied li jkollhom jiġu impurtati n-nisa biex jaħdmu fis-settur u b’hekk jiġu ttraffikati l-umani lejn pajjiżna.

Fl-attività, Claudette Buttiġieġ ilmentat ukoll kif f’diversi oqsma, kif jixhdu bosta ċifri Ewropej u dinjija, Malta qiegħda tant lura f’dak li għandu x’jaqsam mal-ugwaljanzja bejn il-ġeneri, tant li nfakkru Jum il-Mara għaliex l-affarijiet mhumiex ugwali bejn in-nisa u l-irġiel.

Hawnhekk, id-deputat Nazzjonalista rreferiet għaċ-ċifri maħruġa mill-Kunsill tal-Ewropa li juru kif 33% tan-nisa matul is-sena sofrew minn vjolenza domestika, fiżika jew sesswali, 22% ġew abbużati mill-partner filwaqt 55% tan-nisa ġew iffastidjat sesswalment online.

Fil-qasam tax-xogħol, il-mara tħalliet għal rieħha, b’16% tan-nisa għandhom paga aktar baxxa mill-irġiel tal-istess xogħol, 30% b’penzjoni aktar baxxa filwaqt li 75% tax-xogħol tad-dar isir mill-mara.

Claudette Buttiġieġ ċanfret lill-Gvern għal dawn iċ-ċifri, li ġew imżewwqa b’ċifri tal-Forum Ekonomiku Dinji li juru kif fid-diskrepanza fil-pagi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-saħħa tal-mara, pajjiżna jinsab fil-113, 116 u 124 post rispettivament fost 153 pajjiż.