Lokali

Mixja ċelebrattiva f’Jum il-Mara fil-Belt Valletta

Riflessjoni fuq l-isfidi ta’ kuljum tal-mara f’soċjetà bi struttura patrijarkali

“M’aħniex ġisem, aħna isem!”, “Iġġibx skużi għall-abbużi!”, “Ħlas indaqs għall-istess xogħol!”

Kienu dawn fost l-għajtiet u l-kartelluni li żammew in-nisa f’mixja ċelebrattiva tul it-toroq tal-Belt Valletta li nżammet f’Jum il-Mara bħala riflessjoni għall-isfidi li jaffaċċjaw ta’ kuljum fis-soċjetà Maltija bi struttura patrijarkali.

Tul il-mixja, li kienet organizzata mill-Moviment Graffiti u l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, ħadu sehem bosta nisa minn diversi strata fis-soċjetà ma’ oħrajn ġejjin minn organizzazzjonijiet oħrajn sabiex iwasslu l-messaġġ favur l-inklużjoni u l-ugwaljanza tal-mara mar-raġel.

Spikkat il-qawsalla ta’ fehmiet fost dawn preżenti, minn dawk favur il-ħajja, kontra l-vjolenza domestika u l-prostituzzjoni, dawk jikkampanjaw għall-ħlas indaqs għall-istess xogħol u dawk favur l-abort.

Maria Pisani, akkademika mill-organizzazzjoni Integra, elenkat kif il-mara Maltija fl-2020 hija nieqsa minn bosta affarijiet bażiċi:

“If you look in the local context, if we’re looking at representation, were there is much more that needs to be done, violence against women, an issue that needs to be addressed urgently, gendered poverty, there are so many issues.”

Għalhekk appellat sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati serjament billi jiġu implimentati bosta miżuri li ressqu ‘l quddiem u mhux b’miżuri kożmetiċi.

Numru ta’ nuqqasijiet oħra ġew elenkati, minn Andrea Dibben, mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Mara:

“Aħna bħala nisa għadna qed inbatu ta’ kuljum. Aħna nbatu minn sessiżmu ta’ kuljum, meta n-nisa, mar-radd tas-salib sa nżul ix-xemx, miexja fit-triq, fuq tal-linja, fuq il-post tax-xogħol, id-dar, trid iġġorr ir-responsabbiltà tal-familja, trid tmur għax-xogħol u xorta l-mara tiġi ttrattata inqas.”

Hija semmiet ukoll il-femiċidji u l-mod kif il-mara hija meqjusa bħala oġġett, anki fuq il-mezzi soċjali.

Il-mixja bdiet minn quddiem il-binja tal-Parlament tul diversi toroq ewlenin tal-Belt Valletta sa Pjazza De Valette fejn saru numru ta’ diskorsi u korjografija ppreparata minn numru ta’ żgħażagħ nisa kontra l-abbuż u l-preġudizzji fuq il-mara.

Tul id-diskors, ingħatat tislima lil Miriam Pace, mara tad-dar li sfat maqtula nhar it-Tnejn f’darha għar-rgħejba, u l-aħħar vittma tal-vjolenza domestika, Chantelle Chetcuti.