Futbol Sport

Nifs qawwi għal Vittoriosa wara s-suċċess fid-derby … rebħiet ukoll għal Qrendi u Fgura

(Ritratt: Trevor Sollars)

ST. GEORGE’S ……………. 1

VITTORIOSA S……………. 3

St George’s: L. Mifsud, A. Marshall, J. Grech, E. Amaira, K. Camilleri (I. Camilleri Pirotta 56’), G. D’Amato (A. Mallia 71’), M. Mentosa, A. Hili, M. Uritani, B. Leute Dias (S. Le Metayer 56’), L. Bonett

Vittoriosa: Z. Valletta, J. Briffa, A. Galea, J. Pace, I. Curmi, J. Attard (S. Grech 76’), D. Tabone, D. Grima, R. Sgaria Farias (O. Sidibe 68’), O. Guerrero, S.H. Shodiya (L. Barbosa 79’)

Referee: Malcolm Spiteri

Bla dubju ta’ xejn li d-derby tal-Kottonera kien l-iktar appuntament mistenni fi tmiem din il-ġimgħa li fiha kellna tliet derbies. Ir-rebħa meritatament marret għand Vittoriosa li wettqu doppjetta fuq il-ġirien u rivali kbar tagħhom, biex kisbu tliet punti prezzjużi fil-ġlieda konta r-relegazzjoni. Ir-riżultat iħalli lill-Bormliżi f’baħar ta’ nkwiet fl-aħħar post tal-klassifika u b’diversi plejers neqsin għax imweġġa’. Fil-fatt bħalissa t-tim ta’ St. George’s mhux qed ikun jista’ jilgħab bl-aħjar elementi tiegħu u se tkun ferm diffiċli għalihom li jeħilsu mill-periklu.

Minkejja dan kienu l-Bormliżi li resqu qrib bl-ewwel azzjoni wara 13-il minuta meta xutt ta’ Uritani kien salvat minn Valletta biex erba’ minuti wara Vittoriosa fetħu l-iskor meta Dario Tabone ġera tajjeb mal-linja u qassam lejn RENAN SGARIA FARIAS li mill-viċin xeħet fix-xibka. Għall-kumplament tat-taqsima St. George’s kellhom xi ftit iktar pussess ta’ ballun iżda l-azzjonijiet tagħhom kienu sterili, filwaqt li Vittoriosa kienu iktar effettivi u perikolużi.

Kwarta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Vittoriosa skorjaw it-tieni gowl b’xutt ta’ SGARIA FARIAS li għeleb għal kollox lil Mifsud. Ħames minuti wara id-derby tal-Kottonera kien prattikament mitmum hekk kif Vittoriosa skorjaw it-tielet gowl tagħhom fejn din id-darba kien Oscar Guerrero li sab ix-xibka avversarja wara inizjattiva oħra tajba ta’ Tabone.

Fis-77 minuta kien il-gowlkiper ta’ St. George’s Mifsud li b’intervent brillanti ċaħħad lil Guerrero milli hu wkoll jgħaqqad id-doppjetta personali. Seba’ minuti minn tmiem il-logħba xi ftit ta’ konsolazzjoni għal St. George’s meta AARON HILI skorja gowl ta’ konsolazzjoni b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ freekick mogħti minn Jurgen Grech.

Qrendi jimmiraw għall-promozzjoni

NAXXAR LIONS……..…1

QRENDI ……………….… 4

Naxxar: O. Borg, J. Sciberras (G. Xuereb 85’), R.G. Cassar, B. Essel (A. Bello-Osagie 79’), M. Fenech, M. Mifsud, J. Ellul, R. Meilak, D. Falzon, E. Farias, G. Carrara

Qrendi: D. Zarb, L. Martinelli, A. Agius, E. Vella, S. Schembri (R. Mercieca 87’), D. Azzopardi, C. Camilleri, C. Pereira, S. Perdomo (B. Muscat 63’), J. Silva’ (A. Nilsson 79’), L. Schembri

Referee: Fyodor Zammit

Qrendi rebħu l-konfront dirett kontra Naxxar biex għamlu pass kbir ‘l quddiem lejn il-kisba tat-tielet post fil-klassifika li jista’ jfisser promozzjoni storika għall-Kampjonat Premier. Mhux hekk biss iżda Qrendi jinsabu biss punt taħt Lija li jinsabu fit-tieni post u meta jonqos diversi logħbiet għal tmiem il-kampjonat, din ir-rebħa tiftaħ beraħ it-tellieqa għall-promozzjoni. 

Il-bidu tal-logħba kien wieħed kwiet u fl-ewwel attakk denju Qrendi marru minn fuq wara 19-il minuta. Camilleri żmarka lil JONATAN SILVA li daħal tajjeb għall-passaġġ u għeleb lil Omar Borg b’xutt fil-baxx. Qrendi ħadu deċiżament l-inizjattiva wara dan il-gowl u Lee Joe Schembri resaq qrib b’xutt minn tarf il-kaxxa.

Man-nofs siegħa kien il-gowlkiper Naxxari li salva r-riżultat fuq xutt ta’ Jonatan Silva. Tliet minuti mill-intervall risposta ferm tajba ta’ Naxxar b’xutt bid-dawra ta’ Joel Ellul u risposta spettakolari ta’ Zarb. Eżatt qabel intemmet it-taqsima Qrendi rduppjaw meta minn azzjoni ta’ korner kien STEVE SCHEMBRI li skorja b’daqqa ta’ ras.

Fit-tieni taqsima kienu Naxxar li ħarġu determinati fuq l-offensiva biex jidħlu mill-ġdid fil-logħba bit-tim ta’ Qrendi ferm effettiv bil-kontrattakk. Kienu diversi tentattivi tal-Lions iżda kienu Qrendi li kienu mċaħħda minn Omar Borg fis-70 minuta.

Erba’ minuti wara iżda Qrendi skorjaw it-tielet gowl. Free-kick ta’ Schembri, Borg imblokka kif seta’ u mir-rebound u minn pożizzjoni ferm angolata JONATAN SILVA rnexxielu jsib ix-xibka. Ftit wara Naxxar spiċċaw b’għaxar plejers meta Steve Meilak intwera l-karta l-ħamra. Fid-90 minuta u minkejja li bi plejer inqas Naxxar naqqsu l-iskor b’gowl tas-sostitut BELLO OSAGIE u fil-ħin miżjud Qrendi skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom permezz ta’ Alexander Nilsson li kien daħal bħala sostitut.

Deċiża b’gowls fil-ħin miżjud

FGURA U………….. 3

LIJA A ……………… 1

Fgura: B. Bartolo, P. Chircop, J. Stenson, J. Barbara (S. Hili 81’), D. Cartella (D. Quintero 71’), T. Grech, G. Martin, C. Gandini, J.R. Vella, A. Berthe (G. Ferreira de Souza 85’), G. Galea.

Lija: L. Bonnici, G. Bugeja, I. Borg, E. Beu, M. Clinch, E. Beu, K. Seakanyeng, C. Giodemaina, A. Galea, C. Gauci, F. Temile (J.N. Wells 70’), A. White (R. Fenech 59’).

Referee: Aleksandar Jovanovic

Fgura United wettqu sorpriża meta għelbu lil Lija 3-1 biex komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni. Għal Lija żelqa fin-nixef fejn tilfu l-opportunità li jitilgħu mill-ġdid fl-ewwel post tal-klassifika u issa anki t-tieni pożizzjoni tinsab mhedda minn Qrendi.

Il-partita kellha bidu kwiet bi Fgura jiftħu l-iskor fl-ewwel azzjoni denja tal-partia fit-12-il minuta meta Ishmael Borg mess il-ballun b’idu fil-kaxxa u r-referee fuq sinjal ta’ wieħed mill-assistenti tiegħu ordna penalty li minnu GIOVANNI GALEA ma żbaljax.

Lija ppruvaw jagħmlu reazzjoni u fit-23 minuta korner dirett ta’ Erjon Beu niżel fuq is-saqaf tax-xibka. Ħames minuti wara Lija għamlu l-iskor indaqs meta ERJON BEU għeleb lil Brandon Bartolo direttament minn free-kick.  Man-nofs siegħa logħob f’attakk ta’ Fgura xutt minn pożizzjoni ftit angolata ta’ Giovanni Galea għadda barra. 

Wara l-mistrieħ kienu Fgura li ħolqu l-ewwel periklu fil-55 minuta meta Aboubacar Berthe qassam lejn Dennis Cartella, dan avvanza u bil-gowlkiper ħiereġ fuqu, ixxutja bil-ballun jgħaddi ftit għoli. Kwarta wara Lija spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas wara li Ishmael Borg ġie muri t-tieni karta safra.

Ħames minuti mit-tmiem Lija kienu sfortunati li ma marrux fil-vantaġġ meta xutt ta’ McAllister Clinch ġie salvat parzjalment minn Brandon Bartolo, il-ballun ġie f’saqajn Kabelo Seakanyeng, ix-xutt ta’ dan reġa’ ġie salvat mill-istess gowlkiper u mir-rebound ix-xutt ta’ Erjon Beu ġie maqlugħ minn fuq il-linja minn plejer ta’ Fgura.

Fl-aħħar mumenti tal-logħba ż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom li fihom setgħu sabu x-xibka fejn l-ewwel xutt minn pożizzjoni angolata ta’ Erjon Beu wara azzjoni personali tal-istess plejer ħabat max-xibka minn barra u fuq in-naħa l-oħra f’azzjoni veloċi Gilbert Martin qassam lejn is-sostitut Gustavo Ferreira de Souza u dan minn qagħda tajba laqat il-ballun ħażin biex iċ-ċans intilef.  

Fil-bidu tal-ħin miżjud Fgura skurjaw il-gowl importanti li tahom it-tliet punti meta GUSTAVO FERREIRA DE SOUZA kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx wara kross minn fuq ix-xellug. Il-partita kien għad baqagħlha x’toffri għax ftit wara Fgura ssiġġillaw ir-rebħa bit-tielet gowl meta bit-tim kollu ta’ Lija jattakka nkluż il-gowlkiper li kien kważi f’nofs il-grawnd, SERGIO HILI rċieva pass preċiż, avvanza u kkonkluda f’xibka vojta minn 40 metru bogħod.