Lokali

Residenti xxokkjati b’ittra ta’ notifika

Il-Kunsill Lokali Nadur jidħol fil-każ u jgħid li jifhem il-preokkupazzjoni tar-residenti li huma mhedda minn xi ħadd li anqas jaf fejn hu n-Nadur

Fl-aħħar jiem kompliet tiżdied il-preokkupazzjoni fost residenti fiz-zona ‘Iċ-Ċens tan-Nadtur’ fin-Nadur hekk kif għexieren ta’ familji rċevew ittra tinnotifikahom li l-art f’din iz-zona hi tal-werrieta ta’ Richard Stagno Navarra.

Din iz-zona tkopri medda ta’ art ta’ 13,252 kilometru kwadru u tinkludi residenzi, djar, garaxxijiet u mħażen, xi għelieqi u proprjetajiet oħrajn.  L-istess zona hi wkoll konfinanti mill-partijiet kollha tagħha ma’ toroq li huma pubbliċi.

Fl-ittra li dawn is-sidien irċevew ingħadilhom li l-benefiċċjarju ta’ din iz-zona kollha huma l-werrieta ta’ Richard Stagno Navarra.

In vista ta’ din l-ittra r-residenti u dawk kollha li għandhom xi forma ta’ proprjetà f’din iz-zona marru fid-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet biex jirreġistraw l-art il-proprjetà tagħhom. Madankollu jidher li f’dan l-istadju d-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet qed jieħu nota tat-talbiet li qed jirċievi iżda mhux jikkommetti ruħu qabel ma jsiru aktar riċerki.

Residenti f’din iz-zona li tkellmu ma’ il-mument qalulna li huma marru wkoll jitolbu l-protezzjoni u l-għajnuna tal-Kunsill Lokali Nadur li qed jissokta jiġbor l-informazzjoni kollha dwar dan il-każ li litteralment ħasad lir-residenti kollha konċernati u li bir-raġun kollu jinsabu xxokkjati.

Skont residenti li tkellmu ma’ il-mument jidher li l-oriġini ta’ din l-istorja jista’ jkun li għandu l-bidu tiegħu meta xi werrieta ta’ Richard Stagno Navarra kienu infurmati dwar din iz-zona partikulari fin-Nadur u bdew jieħdu passi biex jinformaw lill-istess residenti li din iz-zona ma tappartjenix lilhom iżda lil dawn il-werrieta. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li l-proprjetajri kollha f’din iz-zona ma jistgħu jiġġestixxu dak li għandhom kif ikunu jixtiequ, iżda jridu jinnegozaw mal-werrieta.

Hemm min qed jargumenta li oriġinarjament din iz-zona kienet proprjetà tal-Knisja iżda mbagħad għaddiet għand dawn il-werrieta li allura qed jitolbu l-proprjetà kollha lura skont riċerki li saru u li l-għeruq tagħhom imorru lura għall-1600.

Edward Said, is-Sindku tan-Nadur, iffaċċjat b’din is-sitwazzjoni xejn mistennija, wiegħed li l-Kunsill kien se jidħol f’dan il-każ u jindaga l-verità x’inhi u kif oriġinat din l-ittra ta’ notifika.

Qal li l-Kunsill fl-aħħar jiem irċieva ħafna messaġġi minn residenti f’din iz-zona li rċevew din l-ittra ta’ notifika. Dawn ir-residenti fil-verità huma f’għama assoluta dwar kif żviluppat din l-ittra ta’ notifika li qed thedded direttament il-proprjetà tagħhom.

Edward Said, filwaqt li wiegħed l-appoġġ tiegħu kollu lir-residenti milquta, enfasizza li: “Nifhem il-preokkupazzjoni ta’ dawn ir-residenti li permezz ta’ din ir-reġistrazzjoni qed jaraw l-għaraq ta’ xbinhom jiġi mhedded minn persuni li probabbli lanqas biss jafu fejn hu n-Nadur aħseb u ara kemm jafu li din l-art hija tagħhom.”