Futbol Sport

Tarxien Rainbows matematikament relegati wara 12-il staġun fl-ogħla diviżjoni

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

BALZAN……………….. 3

TARXIEN R…………… 0

Balzan: K. Naumovski, I. Bozovic, A. Loof, S. Bezzina, R. Correa, P. Fenech (M. Grima 79’), D. Camilleri, S. Pisani, S. Dimic (S. Arab 56’), A. Effiong (L. Montebello 72’), S. Adekoya

Tarxien: R. Briffa, M. Botta (D. Tabone 79’), D. Mambouana, M. Tabone, T. Veronese, G. Camilleri, S. Shaba, M. Ciantar, M. Gomez, D. Santos da Hora (B. Muscat 66’), A. Andrejic (L. Brincat 12’)

Imwissija: P. Fenech 64’ (B), B. Muscat 71’ (T)

Skorjaw: S. Pisani 2’, A. Adekoya 58’, R. Correa 76’ (B)

Referee: Daniel Portelli

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Ivan Galea

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Alfred Effiong (Balzan)

BOV Plejer tal-logħba: Ricardo Correa (Balzan)

L-esperjenza ta’ Tarxien Rainbows fil-Kampjonat Premier uffiċjalment se tintemm fi tmiem dan l-istaġun hekk kif bit-telfa ta’ 3-0 kontra Balzan, saru l-ewwel tim matematikament relegat minn dan il-kampjonat wara li kienu ilhom mill-istaġun 2008/09 fl-ogħla diviżjoni. Għal Balzan din kienet l-ewwel logħba mingħajr il-kowċ Jacques Scerri li rriżenja fl-aħħar jiem. It-tim kien immexxi mill-koppja Ludvic Bartolo u Alejandro Pantoja. Balzan iddominaw mill-bidu sal-aħħar u r-riżultat finali ma kienx sorpriża.

Balzan fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti bi kross mix-xellug ta’ Ricardo Correa jsib lil STEVE PISANI fuq it-tieni lasta, bil-midfielder jegħleb lil Rudy Briffa b’konklużjoni mill-ewwel. Balzan qrib it-tieni gowl fit-13-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Alfred Effiong ikun salvat minn Briffa, bil-gowlkiper Tarxiniż ikun attent biex salva wkoll ir-rebound ta’ Stefan Dimic. L-andament tal-ewwel taqsima baqa’ l-istess, bit-tim ta’ Balzan jikkmanda l-logħba għalkemm ma kienx perikoluż lejn il-lasta ta’ Briffa.

Alfred Effiong ħoloq l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima meta dar ma’ Matthew Tabone u prova xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra. L-iskor sar 2-0 fit-58 minuta meta Effiong fetaħ tajjeb fl-ispazju lejn SHINOBU ADEKOYA li minn pożizzjoni ideali għeleb lil Briffa b’xutt fil-baxx. Balzan marru qrib it-tielet gowl tliet minuti wara b’Effiong jipprova jqabbeż fuq Briffa iżda l-gowlkiper Tarxiniż mess il-ballun, b’Matthew Tabone jbiegħed il-periklu. Ftit sekondi wara, daqqa ta’ ras ta’ Alfred Effiong ġiet salvata minn Briffa.

It-tim immexxi mill-koppja Ludvic Bartolo u Alejandro Pantoja kellu okkażjoni oħra fid-69 minuta b’Correa jniżżel bir-ras lejn Adekoya, bix-xutt jaħbat mal-art u għeleb lil Briffa iżda l-ballun ħabat mal-mimduda. Okkażjoni għal Tarxien fit-73 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Destin Mambouana tgħaddi ftit barra. Balzan sabu x-xibka għat-tielet darba fis-76 minuta b’passaġġ ta’ Paul Fenech lura lejn RICARDO CORREA li xxuttja b’saħħtu u għalkemm Briffa salva t-tentattiv, il-ballun reġa’ ħabat miegħu u spiċċa fix-xibka. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Luke Montebello kellu ċ-ċans li jniżżel ismu fost l-iskorers f’kontrattakk, iżda wara li avvanza, ix-xutt finali għadda ċentimetri barra.