Lokali

“Tibżgħux tfittxu għall-għajnuna għax se ssibuha” – Ruth Galea Pace

Ritratt: Matthew Tabone
Il-vittma tal-vjolenza domestika b’testimonjanza ta’ suċċess bħala imprenditriċi, omm u mara miżżewġa

Oħorġu u ibdew għixu! Kulħadd jista’ jagħmel suċċess fil-ħajja. Anki dawk li jkunu għaddew mill-imrar tal-ħajja, jistgħu jirnexxu biss jekk ifittxu l-għajnuna tal-professjonisti u dawk li verament iħobbuhom.

Saħqet dan Ruth Galea Pace, intraprenditriċi u omm li salvat mill-vjolenza domestika, f’testimonjanza li tat f’din l-attività.

Fiha rrimarkat kif inhi xortiha tajba li għadha fostna wara s-swat li ġarrbet snin ilu. Kellu jkun raġel li kissirha u raġel ieħor li jsalvaha mill-ġdid, hekk kif issa ilha miżżewwġa lil Mark għal 22 sena u rnexxielha anki tagħmel suċċess f’intrapriża lokali li firxet l-orizzonti tagħha lil hinn minn xtutna.

Ruth elenkat kif żewġha la qatt refa’ jdejh fuqha u refa’ r-responsabbiltà li jħobbha mingħajr kundizzjonijiet, tant li meta kienet f’dipressjoni, ħadha magħha kull fejn kien imur, fosthom għas-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-waterpolo.

Iżda dak kollu li ġarrbet ikunu ġara ta’ xejn jekk ma tkunx ħolqot kuxjenza fis-soċjetà dwar din ir-realtà. Hija qalet li mhijiex faċli li tinqala’ miċ-ċirku tal-vjolenza domestika iżda mhijiex impossibbli. Grazzi għas-sostenn tal-familja tagħha, irnexxielha tinqala’ waħedha mis-sitwazzjoni u issa tqis lilha nnifisha bħala mara ta’ suċċess, suċċess li kulħadd jista’ jiksbu iżda jiddependi mir-rieda tal-individwu.

Galea Pace qalet li tippreferi tkun imdejjqa waħedha milli mdejjqa u msawwta. Minħabba l-konsegwenza tal-vjolenza u anki għaliex għandha d-dijabete, saħħitha batiet.

Min normalment ibati minn xi tip ta’ vjolenza, fosthom dik fiżika jew mentalment, dan normalment iwassal lill-bniedem għas-suwiċidju. Kien għalhekk appellat lil dawk il-vittmi li hemm barra hemm it-tama, hemm l-għajnuna. Jeħtieġu jfittxuha billi jkellmu lil sħabhom jew lill-familjari.

Din il-mara li salvat elenkat kif mhuwiex minnu li l-irġiel kollha huma xorta għaliex żewġha ħadha b’bagalja kbira ta’ problemi u bil-paċenzja kollha, ħadha b’ħafna niket, kien hemm għalija u emmen fija. Minn mara msawwta, issa hija mara li rnexxielha tasal fejn riedet anki b’negozja li meraħ lil hinn minn xtutna.