Lokali

“Waqqaf it-titjiriet issa!” – MAM

Hemm bżonn li l-Gvern iwaqqaf it-titjiriet li ġejjin mit-tramuntana tal-Italja – jekk dan ma jsirx lesti nieħdu kwalunkwè miżura li hemm bżonn sabiex nissalvagwardjaw lill-pubbliku.

Dan saħqitu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija wara li l-Gvern Taljan iddikkjara li r-reġjun ta’ Lombardia flimkien ma’ 14-il provinċja oħra fit-tramuntana Taljana huma zona ta’ kwarantina. Dan ifisser li l-pubbliku mhux permess li joħroġ miz-zona għajr jekk ikollhom permess speċjali sabiex jagħmlu dan.

Il-MAM saħqet li l-Italja qed timxi fuq il-passi taċ-Ċina fejn l-unika soluzzjoni hija lockdown komplut wara li l-epidemija qed tinfirex fil-pajjiż b’rata allarmanti kawża, kif spjegat mill-MAM, tal-pass kajman li ħadu l-awtoritajiet Taljani dwar is-sitwazzjoni fl-ewwel jiem malli feġġ il-Coronavirus fil-pajjiż ġar tagħna.

L-Assoċjazzjoni saħqet li l-ewwel 3 każijiet f’Malta huma riżultat ta’ familja li vjaġġat lejn it-tramuntana Taljana, minkejja li l-awtoritajiet taw il-parir sabiex dan ma jsirx. Il-MAM spjegat li filwaqt li din il-familja tista’ titqies bħala fortunata l-għaliex il-virus jidher li mhux daqshekk qawwi fuqhom, mhux kulħadd jaf ikun daqshekk xortih tajba. Tul il-jum tas-Sibt inħoloq preċedent, u riskju enormi għan-nofs miljun ċittadin li jgħixu fil-Gżejjer Maltin.

Madanakollu, minkejja dan, it-titjiriet lejn Malta minn zoni taħt lockdown fl-Italja, għadhom qed joperaw qishom xejn m’hu xejn – b’żewġ vjaġġi oħra tul il-ġurnata tal-lum. Il-konsulenti fid-Dipartiment tal-Mediċina fi ħdan l-Isptar Mater Dei, flimkien mal-unjins apparti l-MHRA, ilhom jitolbu lill-Gvern sabiex iwaqqafhom ġimgħa sħiħa – talba li s’issa waqgħet fuq widnejn torox.

Għaldaqstant, il-MAM għal darb’oħra qed titlob lill-Gvern sabiex iwaqqaf dawn it-titjiriet minnufih u jordna kwarantina mandatorja b’effett immedjat lil dawk kollha li ġejjin minn ibliet oħra Taljani.

Finalment, il-MAM insistiet li dan il-pass kajman min-naħa tal-Awtoritajiet Maltin rigward is-sitwazzjoni tal-epidemija li qed taħkem pajjiżi ġirien tagħna, wera li huwa falliment u għaldaqstant iridu jipproteġu liċ-ċittadini Maltin qabel jibdew jimirdu l-eluf.