Lokali

Whistleblower jindika aktar abbużi fis-sahra minn Pulizija fil-Parlament

Il-Prim Ministru, l-Ispeaker u l-Kummissarju tal-Pulizija fil-jiem li għaddew irċevew informazzjoni anonima dwar abbużi serji fis-sahra u l-ekstra tax-xogħol minn Pulizija fil-Parlament.

Nifhmu li min hu inkarigat mix-xogħol fid-Distrett tal-Belt, u allura taħt ir-responsabbiltà tiegħu jaqa’ x-xogħol tal-Parlament, diġà bagħat għal xi membri tal-Korp, fosthom Maġġur u tkellem magħhom dwar is-sahra u l-ekstra f’volum esaġerat.

Skont sorsi infurmati nifhmu li hemm min bl-iskuża ta’ xogħol fil-Parlament hemm min jaqla’ salarju ta’ eluf ta’ ewro kull xahar.

Nifhmu li qed issir investigazzjoni dwar dawn l-abbużi serji u hemm saħansitra min qed jargumenta li ċerti abbużi huma mifruxa wkoll ma’ diversi lokalitajiet oħra u jikkonċernaw il-grad ta’ Maġġur li wkoll qed jaqilgħu flejjes kbar.

Sadattant qed tkompli s-saga dwar l-Aġent Maġġur f’Għawdex u ma hix magħrufa r-raġuni vera kif Maġġur Għawdxi li hu stazzjonat f’Malta għadu ma ntbagħatx biex jaħdem minn Għawdex stess u b’hekk jiffranka ħafna tbatija żejda kuljum.

Anki f’Għawdex, u din il-gazzetta diġà rrapportat fil-ġimgħat li għaddew, kien hemm min abbuża mis-sahra u l-ekstra.